L-MEPs


Il-Parlament Ewropew hu magħmul minn 751 Membru eletti fil-28 Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir. Sa mill-1979, il-Membri tal-PE jiġu eletti b'suffraġju universali dirett għall-perjodu ta' ħames snin.

Kull pajjiż jiddeċiedi dwar il-forma tal-elezzjoni tiegħu, iżda jrid jiggarantixxi ugwaljanza bejn il-ġeneri u votazzjoni sigrieta. L-età tal-votazzjoni hi 18, apparti l-Awstrija, fejn hi 16.

Is-siġġijiet jiġu allokati abbażi tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Ftit aktar minn terz tal-Membri tal-PE huma nisa. Il-Membri jiġu raggruppati skont l-affinità politika u mhux in-nazzjonalità.

Il-Membri jqattgħu ħinhom fil-kostitwenzi tagħhom, fi Strasburgu - fejn kull sena jsiru 12-il sessjoni plenarja - u fi Brussell, fejn jattendu seduti plenarji addizzjonali, kif ukoll laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi politiċi.

It-termini u l-kundizzjonijiet għall-Membri huma stabbiliti fl-Istatut tal-2009.

Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew

Il-Kodiċi ta' Kondotta daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012. Dan jispeċifika, bħala l-prinċipji ta’ gwida tiegħu, li l-Membri għandhom jaġixxu biss fl-interess pubbliku u jwettqu ħidmiethom b’diżinteress, integrità, trasparenza, diliġenza, onestà, responsabilità u rispett għar-reputazzjoni tal-Parlament.

Il-Kodiċi ta' Kondotta tiddefinixxi l-kunflitti ta' interess u l-mod kif il-Membri għandhom jindirizzawhom u tinkludi regoli dwar, pereżempju, ir-rigali uffiċjali lill-Membri u l-attivitajiet professjonali tal-ex Membri.

Il-Kodiċi ta' Kondotta tobbliga wkoll lill-Membri jressqu dikjarazzjoni dettaljata tal-interessi finanzjarji tagħhom. Il-Membri huma obbligati wkoll li jiddikjaraw l-attendenza tagħhom għal avvenimenti organizzati minn partijiet terzi meta r-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u ta' sussistenza tal-Membri, jew il-ħlas dirett ta' dawn l-ispejjeż, ikun kopert minn parti terza. Dawn id-dikjarazzjonijiet jirriflettu r-regoli u l-istandards ta' trasparenza aktar impenjattivi stabbiliti fil-Kodiċi ta' Kondotta. L-informazzjoni fornuta mill-Membri fid-dikjarazzjonijiet tagħhom tista' tinstab fil-paġni tal-profil individwali tal-Membri.

Il-Membri jridu jiddikjaraw ukoll ir-rigali li jirċievu meta jirrappreżentaw il-Parlament f'kariga uffiċjali, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta. Tali rigali jitniżżlu fir-reġistru tar-rigali.

Kwalunkwe Membru li jinsab ħati mill-ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta jista' jingħata piena mill-President. Din il-piena titħabbar mill-President waqt is-sessjoni plenarja u tiġi ppubblikata b'mod prominenti fuq is-sit tal-internet tal-Parlament sa tmiem il-mandat parlamentari.

Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri

Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba tal-Membri Parlamentari huwa l-korp inkarigat sabiex jiggwida lill-Membri dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta. Fuq talba tal-President, il-Kumitat Konsultattiv jevalwa wkoll il-każijiet ta' ksur allegat tal-Kodiċi ta' Kondotta u jagħti parir lill-President dwar il-miżuri eventwali li għandhom jittieħdu.

Il-Kumitat Konsultattiv huwa magħmul minn ħames Membri. Dawn jinħatru mill-President abbażi tal-esperjenza tagħhom u ta' bilanċ politiku bejn il-gruppi politiċi tal-Parlament. Kull wieħed mill-ħames Membri jieħu l-presidenza għal sitt xhur fuq bażi ta' rotazzjoni. Il-President jaħtar ukoll membru ta' riserva għal kull grupp politiku li nkella ma jkunx rappreżentat fil-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kumitat Konsultattiv jippubblika rapport annwali dwar il-ħidma tiegħu.


Il-Kompozizzjoni tal-Kumitat Konsulattiv
Danuta Maria HÜBNER
  • Danuta Maria HÜBNER
  • Group of the European People's Party (Christian Democrats) Member
  • Poland Platforma Obywatelska
Mady DELVAUX
  • Mady DELVAUX
  • Group of the Progressive Alliance of Socialists and Democrats in the European Parliament Member
  • LuxembourgParti ouvrier socialiste luxembourgeois
Sajjad KARIM<
  • Sajjad KARIM
  • European Conservatives and Reformists Group Member
  • United KingdomConservative Party
Jean-Marie CAVADA
  • Jean-Marie CAVADA
  • Group of the Alliance of Liberals and Democrats for Europe Member
  • FranceNouveau Centre-UDI
Jiří MAŠTÁLKA
  • Jiří MAŠTÁLKA
  • Confederal Group of the European United Left - Nordic Green Left Member
  • Czech RepublicKomunistická strana Čech a Moravy

Membri ta' riserva
Heidi HAUTALA
  • Heidi HAUTALA
  • Group of the Greens/European Free Alliance Vice-Chair
  • FinlandVihreä liitto
Laura FERRARA
  • Laura FERRARA
  • Europe of freedom and direct democracy Group Member
  • ItalyMovimento 5 Stelle
Gerolf ANNEMANS
  • Gerolf ANNEMANS
  • Europe of Nations and Freedom Group Treasurer
  • BelgiumVlaams Belang

Is-salarji u l-pensjonijiet

Is-salarju tal-MPE

Il-MPE, b'mod ġenerali, jirċievu l-istess salarju skont l-istatut uniku li daħal fis-seħħ fl-Lulju 2009.

Is-salarju ta’ kull xahar tal-MPE skont l-istatut uniku huwa €8,484.05 qabel ma tinqata' t-taxxa, u dan mill-1 ta' Lulju 2016. Is-salarju jitħallas mill-baġit tal-Parlament u huwa soġġett għal taxxa tal-UE u għal kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni; wara dan it-tnaqqis, is-salarju nett ikun €6,611.42. L-Istati Membri jistgħu wkoll jissoġġettaw dan is-salarju għat-taxxi nazzjonali tagħhom. Is-salarju bażiku huwa stabbilit fil-livell ta' 38.5% ta' dak ta' mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Hemm xi eċċezzjonijiet: dawk il-MPE li kienu fil-Parlament qabel l-elezzjonijiet tal-2009 setgħu jagħżlu li jżommu s-sistema nazzjonali preċedenti għas-salarju, għall-allowance tranżizzjonali u għall-pensjonijiet.

Il-pensjonijiet

Skont l-istatut, ex Membri huma intitolati għal pensjoni mill-età ta' 63. Il-pensjoni hija ugwali għal 3.5% tas-salarju għal kull sena sħiħa ta' eżerċizzju tal-mandat, imma ma tistax tkun aktar minn total ta' 70%. Dawn il-pensjonijiet jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Skema ta’ pensjoni addizzjonali li kienet ġiet introdotta għall-MPE fl-1989, minn Lulju 2009 ma baqgħetx tilqa' membri ġodda, u qed titneħħa gradwalment.

Allokazzjonijiet li jitħallsu lill-Membri tal-Parlament Ewropew

Bħall-Membri tal-parlamenti nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew jirċievu numru ta’ allokazzjonijiet li huma intenzjonati biex ikopru l-infiq tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet parlamentari tagħhom.

Allokazzjoni tal-infiq ġenerali

Din l-allokazzjoni hija intenzjonata biex tkopri l-infiq fl-Istat Membru tal-elezzjoni, bħall-ispejjeż għall-immaniġġjar tal-uffiċċju tal-Membri, ħlasijiet tat-telefown u postali, u x-xiri, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ tagħmir tal-kompjuter u tat-telematika. L-allokazzjoni tkun in-nofs li hi fil-każ ta’ Membri li, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, ma jattendux nofs in-numru tas-sessjonijiet plenarji f’sena parlamentari waħda (minn Settembru sa Awissu).

L-ammont ta’ din l-allokazzjoni fl-2018 huwa ta’ EUR 4 416 kull xahar.

Spejjeż tal-ivvjaġġar

Ħafna laqgħat tal-Parlament Ewropew, bħas-sessjonijiet plenarji, laqgħat tal-kumitati u laqgħat tal-gruppi politiċi, isiru fi Brussell jew fi Strasburgu. L-MEPs jingħataw l-ispejjeż attwali tal-biljetti tal-ivvjaġġar tagħhom biex jattendu għal dawn il-laqgħat meta jippreżentaw l-irċevuti, sa massimu ta’ tariffa tal-ajru ‘business class’ D jew kategorija simili, tariffa tat-trenn ‘first class’ jew €0.51 għal kull kilometru (limitu ta' 1000 kilometru) ta’ vjaġġar bil-karozza, minbarra allokazzjonjijiet fissi bbażati fuq id-distanza u t-tul ta’ żmien tal-vjaġġ li jkopri l-ispejjeż l-oħra tal-ivvjaġġar (bħal pereżempju, in-nollijiet tal-motorways, l-ispejjeż ta’ piż eċċessiv tal-bagalji jew tal-ibbukkjar).

Spejjeż oħra għall-vjaġġi

Il-Membri ta’ spiss ikollhom jivvjaġġaw barra jew ġewwa mill-Istat Membru ta’ elezzjoni tagħhom biex jaqdu dmirijiethom għal raġunijiet differenti minn laqgħat uffiċjali (pereżempju, biex jattendu konferenza jew biex jagħmlu żjara ta’ xogħol).

Għal dan l-għan, għall-attivitajiet barra l-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, il-Membri jistgħu jibbenefikaw minn rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, ta' soġġorn u spejjeż oħra b'rabta ma' dan sa ammont massimu annwali ta' EUR 4 358. Għall-attivitajiet fl-Istat Membru ta' elezzjoni tagħhom, huma biss l-ispejjeż tat-trasport li jiġu rimborżati, b'ammont massimu annwali stabbilit skont il-pajjiż.

Allowance għas-sussistenza
  • Il-Parlament jagħti allowance ta' darba ta' EUR 313 għal kull jum, ammont li jkopri t-totalitàtal-ispejjeż l-oħra tal-Membri matul il-perjodi ta' attività parlamentari, bil-kundizzjoni li huma jagħtu prova tal-preżenza tagħhom billi jiffirmaw wieħed mir-reġistri uffiċjali miftuħa għal dan l-iskop.
  • L-allowance titnaqqas bin-nofs jekk il-Membri ma jieħdux sehem f'iktar minn nofs il-votazzjonijiet ta’ rassenja li jsiru fis-sessjonijiet parzjali, anke jekk ikunu preżenti. Għal-laqgħat organizzati barra l-Unjoni Ewropea, l-allowance hija ta' EUR 156.5 (dejjem bil-kundizzjoni tal-iffirmar ta' reġistru), u l-ispejjeż ta' soġġorn jiġu rimborżati b'mod separat.

Dispożizzjonijiet dwar il-persunal

Il-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jagħżlu huma stess lill-assistenti tagħhom fil-limiti ta' pakkett baġitarju ddefinit mill-Parlament u skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kapitolu 5 tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri.

Fl-2018, l-ammont massimu disponibbli fix-xahar hu ta' EUR 24 526 għal kull Membru. Dan l-ammont ma jingħatax lill-Membri iżda jitħallas bħala salarju lill-assistenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jkollhom kuntratt validu, u lill-entitajiet responsabbli biex jiġbru t-taxxa fuq is-salarji.

Il-Membri jistgħu jimpjegaw diversi tipi ta' assistenti.

L-assistenti akkreditati, imqabbda fi Brussell (jew fil-Lussemburgu/Strasburgu), jiddependu direttament fuq l-amministrazzjoni tal-Parlament. Il-Membri jistgħu jirreklutaw tliet assistenti akkreditati, jew saħansitra erbgħa taħt ċertu kundizzjonijiet. Minn tal-anqas, 25 % mill-pakkett għall-assistenza parlamentari hu rriżervat għall-assistenti akkreditati.

Assistenti lokali jassistu lill-Membri fl-Istat Membru tal-elezzjoni tagħhom. Dawn il-kuntratti jiġu amministrati minn aġent tal-ħlas rikonoxxut li jiggarantixxi r-rispett għad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà soċjali u l-iskema tat-taxxa. Il-kuntratti tal-assistenti lokali għandhom ikunu jew kuntratti ta' xogħol jew kuntratti għall-forniment ta' servizz.

Trainees jistgħu jwettqu traineeship jew fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament jew fl-Istat Membru tal-elezzjoni.

L-ispejjeż totali għall-assistenti lokali u t-trainees ma jistgħux jaqbżu l-75 % tal-pakkett għall-assistenza parlamentari. L-ispejjeż għall-fornituri ta' servizzi biss madankollu ma jistgħux jaqbżu l-25 % ta' dan il-pakkett.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar ir-remunerazzjonijiet hawnhekk.

Ġew stabbiliti limiti massimi paragunabbli għall-fornituri li jkunu persuni ġuridiċi jew l-aġenti tal-ħlas.

Diversi Membri jistgħu jingħaqdu biex jifformaw grupp għar-reklutaġġ ta' assistent jew assistenti akkreditati jew imqabbda fl-Istati Membri. Huma għandhom jiddefinixxu bejniethom il-koeffiċjenti ta' tqassim tal-ispejjeż.

Il-Membri ma jistgħux iqabbdu lil qraba stretti bħala assistenti. L-assistenti tagħhom għandhom jevitaw l-attivitajiet esterni li x'aktarx joħolqu kunflitt ta' interessi.

L-ismijiet jew l-ismijiet tal-kumpaniji tal-assistenti kollha għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet għat-tul tal-kuntratt tagħhom, sakemm ma jiksbux deroga li tingħata biss għal raġunijiet ta' sigurtà ġġustifikati kif dovut.

L-elezzjonijiet Ewropej u nazzjonali f'ċifri

L-ewwel edizzjoni tiffoka fuq ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej ta' Mejju 2014 u l-istorja ta' 35 sena ta' elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew mill-1979 'l hawn, kif ukoll l-elezzjonijiet nazzjonali differenti. It-tieni edizzjoni tinkorpora l-bidliet kollha li seħħu fil-Parlament u d-dettalji tal-elezzjonijiet nazzjonali li saru wara tali data.