Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Sessjoni plenarja 23 u 24 ta' Marzu

Il-Parlament japprova l-bidliet fit-Trattat għall-mekkaniżmu ta' stabilità

 
 
Il-MPE Gualtieri u Brok fil-mument tal-vot   Il-MPE Gualtieri u Brok fil-mument tal-vot
Il-Parlament appoġġja bdil limitat fit-Trattat sabiex ikun jista' jiġi stabbilit il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità f'vot meħud l-Erbgħa, ġurnata qabel is-samit, li matuli l-Istati Membri tal-UE humamistennija japprovaw formalment dan l-instrument il-ġdid. L-MEPs esprimew ruħhom sodisfatti għas-sinjali pożittivi li ngħataw mill-Istati Membri sabiex il-mekkaniżmu intergovernattiv jitqarreb aktar lejn il-qafas tal-UE.

L-MEPs kienu kkritikaw il-proposta oriġinali tal-Kunsill Ewropew dwar il-bdil fit-Trattat, kemm minħabba l-metodu użat kif ukoll rigward il-kontenut, peress li l-ebda wieħed ma kien jirrispetta l-metodu tal-Unjoni. Iż-żewġ ko-rapporteurs, Elmar Brok (EPP, DE) u Roberto Gualtieri (S&D, IT) baqgħu jinnegozjaw mal-istituzzjonijiet l-oħra bit-tama li l-Parlament ikun jista' jasal għal opinjoni pożittiva dwar il-kwistjoni.


Kisbiet importanti


Il-Parlament irrikonoxxa li l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Euro Group, kif ukoll il-Kummissarju għall-Affarijiet Monetari, kienu taw "sinjali pożittivi". Fl-ittri tagħhom lill-Parlament, iż-żewġ istituzzjonijiet kienu nnotaw li l-Kummissjoni se tipproponi regolament li jikkjarifika l-proċeduri li jaqgħu fi ħdan il-mekkaniżmu u tassigura konsistenza mal-qafas multilaterali ta' sorveljanza tal-UE.


X'se jkun ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tħaddim ta' dan il-mekkaniżmu issa huwa definit b'mod ċar, skont kif talbu l-MEPs. Il-Kummissjoni se jkollha rwol ċentrali peress li trid teżamina u tanalizza, kif ukoll toħroġ bi proposti u ssegwi dak li jkun qed jiġri. Il-Parlament se jkun informat regolarment.


Riżervi


Filwaqt li appoġġja l-proposta tal-Kunsill Ewropew dwar il-proposta li jinbidel it-Trattat b' 494 vot favur, 100 kontra u 9 astensjonijiet, il-Parlament żied li kien ikun aħjar li kieku nżamm mal-metodu tal-Unjoni, kif kien enfasizza ħafna wkoll fil-pożizzjoni tiegħu il-Bank Ċentrali Ewropew. 


Sfond


Il-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE qablu waqt samit f'Diċembru 2010 li għandu jsir bdil limitat fit-Trattat sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti li jissalvagwardja l-istabilità taż-żona ewro. Sabiex jiġi rivedut l-artiklu 136 tat-Trattat kien jeħtieġ li jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew.


L-Istati Membri mistennija jadottaw il-bidla formalment waqt il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li se jsir bejn l-24 u l-25 ta' Marzu. Wara, t-tibdil irid jiġi ratifikat mis-27 Stat Membru. Il-mira hija li dan il-mekkaniżmu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013.


Proċedura: Konsultazzjoni