Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter) (agħfas "Enter")
NOT FOUND ! (agħfas "Enter")

Jidher li Guimarães u Maribor huma bliet kapitali Ewropej tal-kultura fi stadju avvanzat

Kultura 20-02-2012 - 09:25
 
 

Guimarães fil-Portugall u Maribor fis-Slovenja se jospitaw numru kbir ta' avvenimenti kulturali din is-sena bħala l-ibliet kapitali Ewropej tal-kultura għall-2012. Matul is-sena dawk li jħobbu l-arti se jkunu jistgħu jgawdu kollox mill-opra sal-iżfin kontemporanju, mużika klassika u popolari, ċinema, teatru, arti viżwali, letteratura u arkitettura.


Din mhijiex biss opportunità għaż-żewġ ibliet biex juru dak li għandhom x'joffru, iżda se tgħinom ukoll jkabbru l-prestiġju tagħhom u jattiraw iktar investiment u turiżmu.


Guimarães tista' tiftaħar b'waħda mill-iktar populazzjonijiet żagħżugħa fl-Ewropa - kważi nofs l-abitanti tagħha għandhom inqas minn 30 sena. Għandha ukoll status irjali għaliex hija l-belt fejn twieled l-ewwel re tal-Portugall Afonso Henriques. Il-belt trid tuża r-renju tagħha bħala kapitali kulturali biex titrasforma l-ekonomija tagħha minn waħda industrijali għal ekonomija kreattiva li kapaċi tikkompeti fuq skala globali.


Is-Sur Rui Tavares (Verts, PT) ikkumenta: "Guimarães, waħda mill-isbaħ ibliet fil-Portugall, saret eżempju ta' rkupru urban. L-għażla tagħha bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura bidlitha b'mod ċar f'ċentru ħaj ta' kreattività kontemporanja u wirt millenjali qawwi. Hi destinazzjoni obbligatorja  għat-turiżmu kulturali tal-2012. U ta' bilħaqq, ejja ma ninsewx lill-Braga, belt qariba, li tinsab biss 25 km il-bogħod, u li huwa l-Belt Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ ta' din is-sena."


Sadanittant Maribor stiednet numru ta' artisti  minn madwar id-dinja kollha sabiex joħolqu skambji kulturali internazzjonali għal perjodu twil bħala parti mill-programm ta' Ambaxxati Kulturali. Ir-residenti tal-belt medjevali se jkollhom rwol importanti xi jwettqu bħala kokreaturi u viżitaturi ta' eżibizzjonijiet, avvenimenti fit-toroq u kunċerti fl-inizjattiva Town Keys.


Is-Sur Milan Zver (EPP, SL) qal: "Bħala Sloven li ġej mir-reġjun tal-Istyria t'Isfel, jiena kburi ħafna li Maribor, it-tieni l-akbar belt fis-Slovenja, għandha t-titlu sabiħ ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2012. Fil-passat Maribor kienet ċentru attiv fl-Ewropea ċentrali, fejn kulturi differenti eżistew flimkien fil-paċi u influwenzaw lil xulxin. Nittama li din it-tradizzjoni tkompli u li fl-2012,l-akbar numru possibbli ta' ċittadini tal-UE jżuru Maribor kif ukoll il-ġojjelli turistiċi l-oħra li jinsab fil-qrib."


Minn meta tnediet l-inizjattiva tal-belt kapitali Ewropea tal-kultura fl-1985, aktar minn 40 belt kellhom l-unur li jħaddnu dan it-titlu. Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-applikazzjonijiet li jirċievi.  Wara dan il-Kunsill jagħżel l-ibliet kapitali tal-kultura l-ġodda skont ir-rakkomandazzjoni ta' panel li jinkludi Membri Parlamentari Ewropej.

Ref. : 20120203STO37166