Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Il-kuluri tal-kalendarju: xi jfissru?

Istituzzjonijiet 20-02-2012 - 17:12
 
 
Il-kalendarju tal-PE   Il-kalendarju tal-PE

Daqqa roża, daqqa aħmar, daqqa blu. Il-kalendarju tal-Parlament kollu kuluri. Il-ġimgħat Parlamentarji huma organizzati skont il-kulur, u kull kulur jixhed l-attività partikolari jew metodu ta' xogħol għal dik il-ġimgħa. Per eżempju din il-ġimgħa hi waħda ħadra ċara li turi li l-MEPs ser ikunu qed jaħdmu fil-kostitwenzi tagħhom. Nagħtu ħarsa lejn xi jfissru l-kuluri fil-kalendarju.


Aħmar: Sessjonijiet plenarji


L-aħmar fil-kalendarju ifisser li tkun għaddejja sessjoni plenarja. Waqt dawn is-sessjonijiet plenarji, l-MEPs jiddibattu kwistjonijiet importanti, jivvutaw fuq proposti ġodda u jadottaw leġislazzjoni. Is-sessjonijiet plenarji jsiru kull xahar fi Strasburgu, ħlief f'Awwissu, u jsiru sessjonijiet ta' jumejn fi Brussell b'mod regolari.


Roża: Xogħol tal-Kumitati


Ir-roża jfisser li qed isir xogħol fi ħdan il-kumitati. Il-kumitati huma l-post fejn il-MEPs jippreparaw ix-xogħol għall-plenarja, jew, per eżempju, jiddiskutu d-dettalji tal-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill qabel ma jivvutaw u jressqu r-riżultati lill-Parlament kollu kemm hu.


Hemm 20 kumitat permanenti li jispeċjalizzaw f'qasam partikolari. Dawn ivarjaw minn politiki domestiċi, bħal ma huma t-trasport u t-turiżmu, l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sigurtà tal-ikel, żvilupp reġjonali jew petizzjonijiet sa affarijiet esterni, fosthom affarijiet barranin u żvilupp. Il-kumitati jiltaqgħu darba jew darbtejn fix-xahar, l-aktar fi Brussell, imma ġieli f'Strasburgu ukoll. Għal aktar tagħrif ikklikkja fuq il-lemin.


Blu: Laqgħat tal-gruppi politiċi


Meta tara l-blu fil-kalendarju tal-PE, ifisser li l-MEPs qed jiltaqgħu ma' membri oħra tal-grupp politiku tagħhom. L-MEPs jsibu posthom skont l-fehmiet politiċi tagħhom aktar milli skont il-pajjiż. Huma jiltaqgħu biex jiddiskutu l-leġislazzjoni fis-sessjoni plenarja li jmiss.


Aħdar ċar: l-MEPs jaħdmu fil-kostitwenzi tagħhom


L-MEPs imorru lura pajjiżhom biex, per eżempju, jiltaqgħu mal-kostitwenti d-dar tagħhom jew jieħdu sehem f'delegazzjonijiet uffiċjali.


Ref. : 20120220STO38545