Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

X'għandek tkun taf dwar l-ACTA

So¿jetà ta' Informazzjoni 05-03-2012 - 10:08
 
 

L-ACTA, li huwa ftehim dwar il-falsifikazzjoni u l-ksur tad-dritt tal-awtur onlajn, s'issa ġie ffirmat minn 30 pajjiż fl-UE u madwar id-dinja, iżda jista' jidħol fis-seħħ biss bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Fix-xhur li ġejjin il-Parlament se jkun jista' jiddeċiedi d-destin tal-ftehim billi jew japprovah jew jiċħdu. Iżda dwar xiex huwa dan kollu? X'għanijiet irid jikseb l-ACTA?


Għalfejn ipprovoka protesti minn gruppi madwar id-dinja? Kif se jasal għal deċiżjoni l-Parlament, u int kif ser tkun tista' ssegwi l-proċess? Kun af aktar f'dan it-tagħrif.


Dwar xiex inhu l-ACTA?


Il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA) huwa maħsub sabiex id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu infurzati b'mod aktar effettiv fil-livell internazzjonali. Ħafna pajjiżi żviluppati jinsabu mħassba li l-ekonomiji tagħhom isofru ħsara minħabba l-falsifikazzjoni u l-piraterija. L-OECD stmat li fl-2005 l-kummerċ internazzjonali fi prodotti ffalsifikati u kkupjati ammonta għal $200 biljun, minbarra l-prodotti diġitali.


X'se jkun kopert bil-Ftehim?


Kull ħaġa minn prodotti ffalsifikati sa ksur tad-dritt tal-awtur fuq l-internet.


Minn qed ikollu parti fl-ACTA?


L-ACTA ġie nnegozjat bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Messiku, il-Marokk, in-New Zealand, Singapore, il-Korea t'Isfel u l-Isvizzera. Ladarba l-ftehim jidħol fis-seħħ, imbagħad kwalunkwe membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) jista' japplika bien jingħaqad miegħu.


Għalfejn huwa kontroversjali?


Il-kritiċi huma mħassbin li l-ftehim se jiffavorixxi l-interessi tal-kumpaniji l-kbar askapitu tad-drittijiet taċ-ċittadini u jqisu l-applikazzjoni eventwali tiegħu fid-dinja onlajn bħala theddida għall-privatezza tal-persuni u għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk in-negozjati ġew ikkritikati minħabba dak li ġie meqjus bħala nuqqas ta' trasparenza peress li l-gruppi tas-soċjetà ċivili u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma ġewx involuti.


Liema pajjiżi diġà ffirmawh?


Fl-UE l-ftehim diġà ġie ffirmat mill-Istati Membri kollha ħlief Ċipru, l-Estonja, is-Slovakkja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi. Barra mill-UE diġà ġie ffirmat mill-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, il-Marokk, in-New Zealand, Singapore, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti.


Għalfejn huwa kruċjali r-rwol tal-Parlament Ewropew?


Il-Parlament jeħtieġ li jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel ma jidħol fis-seħħ l-ACTA. Mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament ma jkun hemm l-ebda ftehim. Mit-Trattat ta' Lisbona l-Parlament għandu d-dritt li juża l-veto biex iwaqqaf ħafna mill-ftehimiet milħuqa mill-UE.


X'alternattivi huma disponibbli għall-Parlament Ewropew?


Il-Parlament ma jistax jagħmel tibdil fil-ftehim, u ngħata formalment is-setgħa li jew japprovah jew jiċħdu. Qabel jagħmel dan, jista' wkoll iqis il-possibilità li jirreferih lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal deċiżjoni dwar il-kompatibilità tiegħu mal-liġi tal-UE. Jekk jagħmel hekk, l-ACTA ma jkunx jista' jidħol fis-seħħ qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-Qorti. Fl-aħħar nett, peress li m'hemm l-ebda skadenzi legali għal tweġiba, huwa teoritikament possibbli li l-Parlament iħalli l-kwistjoni pendenti b'mod indefinit, għażla li effettivament ma tħallix li l-ACTA jidħol fis-seħħ, minħabba li l-approvazzjoni espliċita tiegħu hija meħtieġa biex dan iseħħ.


Kif se jasal għal deċiżjoni l-Parlament Ewropew?


Il-Parlament Ewropew impenja ruħu li jagħmel kollox fil-miftuħ u jħeġġeġ b'mod attiv lill-persuni jinvolvu ruħhom fil-proċess, jikkonsultaw id-dokumenti tiegħu jew isegwu l-laqgħat tiegħu li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, huma mxandra diretti fuq il-websjat tiegħu.


Il-ħidma ta' tħejjija se titwettaq mill-kumitati parlamentari. Il-kumitat għall-kummerċ internazzjonali se jkun qed imexxi u b'dal-mod se jressaq ir-rakkomandazzjoni lill-Parlament biex dan jew japprovah jew jiċħdu. Il-MEP Britanniku David Martin, membru tal-Grupp S&D, ġie magħżul mill-kumitat biex iħejji abbozz tal-pożizzjoni tal-Parlament. Madankollu, se jkun hemm erba' kumitati oħrajn li se jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-ACTA: il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija; il-Kumitat għall-Affarijiet Legali; il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; u l-Kumitat għall-Iżvilupp. Huma se jqattgħu diversi xhur jitkellmu ma' kemm jista' jkun partijiet interessati sabiex jibbażaw fuq l-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom biex jaslu għal deċiżjoni infurmata. Ħafna mil-laqgħat tagħhom, jekk mhux saħansitra kollha, se jkunu mxandra diretti fuq il-websajt tal-Parlament. Ladarba r-rakkomandazzjoni għall-MEPs tkun disponibbli, din se titpoġġa għall-aċċess tal-pubbliku. Imbagħad il-Parlament jivvota dwar l-ACTA waqt sessjoni plenarja fi Strasburgu, li tista' tiġi segwita diretta fuq il-websajt.


X'qal s'issa l-Parlament Ewropew dwar l-ACTA?


S'issa kien hemm tliet riżoluzzjonijiet li stiednu lill-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti tal-ACTA u biex jikber ir-rwol tal-Parlament fin-negozjati dwar il-kontenut:

  • riżoluzzjoni tal-11 ta' Marzu 2009 li stiednet lill-Kummissjoni biex "immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehima Kummerċjali ta' Kontra l-Iffalsifikar"

  • riżoluzzjoni tal-10 ta' Marzu 2010 li  ddeplorat is-segretezza madwar l-ACTA ("jiddispjaċih dwar l-għażla kkalkulata tal-partijiet li ma jinnegozjawx permezz ta“ korpi internazzjonali stabbiliti sew, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)) ("jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta“ proċess trasparenti fit-twettiq tan-negozjati tal-ACTA, qagħda li tmur kontra sew it-test kif ukoll l-ispirtu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE")

  • riżoluzzjoni tal-24 ta' Novembru 2010 li tilqa' l-ACTA bħala pass fid-direzzjoni t-tajba u tistieden lill-Kummissjoni tikkonferma li l-ftehim mhu se jkollu ebda impatt fuq il-libertajiet bażiċi u fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti


X'jiġri jekk il-Parlament Ewropew jivvota favur?


Ċipru, l-Estonja, is-Slovakkja, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi xorta jkunu jridu jiffirmaw il-ftehim u l-Istati Membri kollha xorta jkunu jridu jirratifikawh qabel ma jkun jista' jidħol fis-seħħ.


X'jiġri jekk il-Parlament Ewropew jivvota kontrih?


l-ACTA ma jkunx jista' jidħol fis-seħħ fl-UE. L-ebda ftehim ma jkun possibbli mingħajr l-approvazzjoni tal-Parlament. Madankollu jekk sitt pajjiżi barra mill-UE xorta waħda jirratifikawh, allura l-ftehim jidħol fis-seħħ f'dawk il-pajjiżi.


Kif se nkun nista' nsib l-aħħar żviluppi dwar dan fil-Parlament Ewropew?


Dan il-feature se jkun aġġornat regolarment. Ix-xandir dirett tal-laqgħat se jitħabbar fuq il-websajt u se jkun hemm links għad-dokumenti li jiġu ppubblikati. Se jkun hemm ukoll avviżi regolari permezz tal-paġni tal-Facebook u tat-Twitter (fi 22 lingwa), tal-Parlament .

Ref. : 20120220STO38574