Enerġija nadifa: l-isforzi tal-UE favur l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Skopri kif il-Membri tal-PE jridu jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

Fl-2018, il-Parlament Ewropew approva regoli biex jgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll inaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u jgħin lill-unitajiet domestiċi jiġġeneraw l-enerġija ekoloġika tagħhom stess.

Dan il-pakkett leġiżlattiv huwa magħmul minn tliet liġijiet: waħda dwar l-enerġija rinnovabbli, waħda dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u waħda dwar mekkaniżmu ta' kontroll.

Il-liġijiet dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli u dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija qegħdin bħalissa jiġu riveduti biex jgħinu lill-UE tilħaq għanijiet klimatiċi ambizzjużi ġodda stabbiliti skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-2021. It-tisħiħ tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija se jgħinu wkoll lill-Ewropa tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili li fil-biċċa l-kbira jiġu mir-Russja.

Żieda fis-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli

Is-sehem ta' enerġija kkunsmata minn sorsi rinnovabbli rdoppja f'dawn l-aħħar snin, minn madwar 9.6% fl-2004 għal 22.1% fl-2020. Dan ifisser li l-UE laħqet il-mira tagħha ta' 20% għall-2020.

Skont ir-regoli attwali, is-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli għandu jkun mill-inqas 32% sal-2030 u l-Membri tal-PE jridu li din il-mira tiżdied għal 45%.

Tgħallem aktar dwar is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tal-UE.

Titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jista' jnaqqas mhux biss l-emissjonijiet tas-CO2, iżda wkoll in-nefqa annwali ta' €330 biljun f'importazzjonijiet tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlaturi tal-UE qed jaħdmu biex jaġġornaw il-mira ta' 32.5% tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2030, li kien hemm qbil dwarha fl-2018. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tfisser l-użu ta' inqas enerġija biex jiġi prodott l-istess riżultat.

Il-miri l-ġodda proposti huma tnaqqis ta' mill-inqas 40% fil-konsum finali tal-enerġija u 42.5% fil-konsum tal-enerġija primarja. Il-konsum finali tal-enerġija jirreferi għall-enerġija użata mill-konsumaturi finali (bħall-konsum tal-elettriku tal-unitajiet domestiċi), filwaqt li l-konsum tal-enerġija primarja jirrappreżenta d-domanda totali għall-enerġija f'pajjiż (pereżempju l-fjuwil maħruq biex jipproduċi l-elettriku).

Qasam importanti li għandu bżonn jitjieb huwa t-tisħin u t-tkessiħ tal-bini, li jammonta għal 40% tal-enerġija kollha kkunsmata fl-UE. Madwar 75% tal-bini huwa ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, il-Parlament adotta, f'April 2018, regoli ġodda dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini. Skont ir-regoli, il-pajjiżi tal-UE għandhom iħejju strateġiji nazzjonali fit-tul biex jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni ta' bini residenzjali u mhux residenzjali. L-għan huwa li sal-2050, il-bini fl-UE kważi lanqas juża enerġija.

Barra minn hekk, fl-2017 il-Parlament issimplifika t-tikketti tal-enerġija għal tagħmir tad-dar, bħal lampi, televixins u vacuum cleaners, biex ikun aktar faċli għall-konsumatur li jqabbel l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tagħhom.

Mekkaniżmu ta' kontroll

Fl-2018, il-Membri tal-PE approvaw ukoll regoli ġodda dwar l-hekk imsejħa governanza tal-unjoni tal-enerġija. Dan huwa mekkaniżmu ta' kontroll sabiex jiġi mmonitorjat il-progress tal-pajjiżi lejn il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-UE għall-2030 u għodda ta' kooperazzjoni sabiex jimtela l-vojt f'każ li Stat Membru jaqa' lura.

Il-Membri tal-PE se jaqblu dwar il-pożizzjoni tagħhom dwar l-aġġornamenti dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-plenarja ta' Settembru.


Aktar tagħrif dwar it-tibdil fil-klima fl-UE:


Dan l-artiklu oriġinarjament ġie ppubblikat fl-2018 iżda ġie rivedut biex jirrifletti l-miri aktar ambizzjużi li qed jiġu nnegozjati bħalissa.