L-aħjar użu tal-globalizzazzjoni: Il-politika kummerċjali tal-UE mfissra 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

X'inhi l-politika kummerċjali tal-UE? Għalfejn hija importanti f'ekonomija globalizzata? Kif taħdem? Skopri aktar dwar waħda mill-politiki l-aktar kumplessi tal-UE.

Port ta ’Antwerp ©AP Images/European Union-EP 

Għalfejn il-politika kummerċjali tal-UE hija importanti f'ekonomija globalizzata?


Il-globalizzazzjoni ekonomika hija kkaratterizzata mill-intensifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali u mill-interdipendenza tal-ekonomija li qed tiżdied fil-livell globali. Il-politika kummerċjali tal-UE hija għodda ewlenija li tirrispondi għall-globalizzazzjoni u li tittrasforma l-potenzjal tagħha f'benefiċċji reali.


Politika kummerċjali fil-livell tal-UE aktar milli nazzjonali tagħti lok għal aktar piż fin-negozjati bilaterali u f'korpi multinazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). L-għan ewlieni tal-politika kummerċjali tal-UE huwa li żżid l-opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji Ewropej permezz tat-tneħħija tal-ostakli kummerċjali bħal tariffi u kwoti u bl-iżgurar tal-kompetizzjoni ġusta.


Dan huwa essenzjali għall-ekonomija Ewropea peress li din għandha effett fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Aktar minn 36 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq l-esportazzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea. Bħala medja, kull biljun ewro f'esportazzjonijiet barra mill-UE jsostni aktar minn 13,000 impjieg fl-UE.


Ara l-infografika dwar il-pożizzjoni tal-UE fil-kummerċ dinji.


Il-politika kummerċjali tal-UE tipproteġi liċ-ċittadini Ewropej billi tiżgura importazzjonijiet li jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.


L-UE tuża wkoll il-politika kummerċjali tagħha bil-għan li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u tas-sikurezza, ir-rispett tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.


Kif taħdem il-politika kummerċjali tal-UE?

Il-politika kummerċjali tal-UE tkopri l-kummerċ fi prodotti u servizzi, l-investiment dirett barrani, l-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali (pereżempju l-privattivi) u l-akkwist pubbliku.

Hija magħmula minn tliet elementi ewlenin:

  • ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi mhux membri tal-UE biex jinfetħu swieq ġodda u jiżdiedu l-opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji tal-UE
  • regolamentazzjoni kummerċjali li tipproteġi l-produtturi tal-UE minn kompetizzjoni inġusta
  • sħubija tal-UE fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li tistabbilixxi regoli kummerċjali internazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE huma wkoll membri tagħha, iżda l-Kummissjoni Ewropea tinnegozja f'isem il-blokk.

Ftehimiet kummerċjali

Jiġu negozjati ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi mhux tal-UE bil-għan li jiġu garantiti opportunitajiet kummerċjali aħjar. Jeżistu tipi differenti:

  • Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, flimkien ma' pajjiżi mill-Karibew, il-Paċifiku u l-Afrika li qegħdin jiżviluppaw
  • Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles ma' pajjiżi żviluppati
  • Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li jsaħħu ftehimiet politiċi akbar bħall-Unjoni għall-Mediterran mat-Tuneżija.

Dawn il-ftehimiet kollha huma ffukati fuq it-tnaqqis tal-ostakli tariffarji u l-garanzija tal-investiment.

Aqra l-ħarsa ġenerali tan-negozjati kummerċjali li għaddejjin.

Ir-regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-UE

L-UE għandha wkoll regoli li jipproteġu l-kumpaniji Ewropej minn prattiki kummerċjali inġusti. Dawn il-prattiki jistgħu jinkludu dumping jew sussidji li għandhom l-għan li jbaxxu l-prezzijiet artifiċjalment meta mqabbla mal-prodotti Ewropej. Il-prodotti Ewropej jistgħu jiffaċċjaw ukoll ostakli jew kwoti doganali. Jekk ma tinstabx soluzzjoni għat-tilwimiet kummerċjali, dawn jistgħu jwasslu għal gwerra kummerċjali.

Aqra aktar dwar l-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE.

L-investiment dirett barrani fl-UE huwa regolat ukoll. Fl-2019, il-Membri tal-PE approvaw mekkaniżmu ta' skrinjar ġdid li jiżgura li l-investimenti barranin f'setturi strateġiċi ma jagħmlux ħsara lill-interessi u lis-sigurtà tal-Ewropa.

Aqra aktar dwar l-iskrutinju tal-investimenti diretti barranin

L-UE u d-WTO

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ hija magħmula minn aktar minn 160 membru li flimkien jirrappreżentaw 98 % tal-kummerċ dinji u għandha l-għan li żżomm il-prevedibbiltà u l-ekwità tas-sistema kummerċjali dinjija billi tiftiehem regoli komuni għall-kummerċ bejn in-nazzjonijiet u timmonitorjhom.


L-UE tagħti appoġġ qawwi lid-WTO u qdiet rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-sistema kummerċjali dinjija.


Hija involuta mill-qrib fit-taħditiet kummerċjali multilaterali tad-WTO. Il-Parlament Ewropew isegwi dawn in-negozjati mill-qrib u jadotta rapporti li jivvalutaw l-istat tagħhom.

Iċ-ċiklu attwali tan-negozjati tad-WTO – iċ-ċiklu ta' Doha (2001) – waqaf minħabba nuqqas ta' ftehim dwar politiki ewlenin, fosthom l-agrikoltura.


L-UE tuża wkoll is-setgħat deċiżjonali u ta' infurzar tad-WTO f'każijiet ta' tilwim kummerċjali u hija waħda mill-akbar utenti tas-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim.


Aqra aktar dwar l-UE u d-WTO


Kif tiġi deċiża l-politika kummerċjali tal-UE?


Il-politika kummerċjali hija materja ta' kompetenza esklużiva tal-UE, jiġifieri hija l-UE fl-intier tagħha, aktar milli l-Istati Membri individwali tagħha, li għandha s-setgħa li tilleġiżla fuq kwistjonijiet kummerċjali u tikkonkludi ftehimiet kummerċjali internazzjonali (Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - TFUE)

It-Trattat ta' Lisbona (2007) stabbilixxa l-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur fuq il-kummerċ u l-investiment, flimkien mal-Kunsill, li jirrappreżenta l-Istati Membri. Il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali jistgħu jidħlu fis-seħħ biss jekk il-Parlament jivvota favurihom. Il-Parlament jista' jinfluwenza n-negozjati billi jadotta riżoluzzjonijiet.