L-Istat tal-Unjoni Ewropea: Wasal iż-żmien li naraw fiex wasalna  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

SOTEU 2018 

Id-dibattitu dwar l-Istat tal-UE nhar l-Erbgħa 12 ta' Settembru fid-9.00 CET se jħares lejn dak li nkiseb u x'hemm bżonn isir.

Skopri kif tista' ssegwi d-dibattitu online u tissieħeb fid-diskussjoni fuq il-midja soċjali.

Id-dibattitu annwali dwar l-Istat tal-Unjoni huwa opportunità għall-MPE biex jiskrutinizzaw ix-xogħol u l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea u jgħinu biex tiġi stabbilita d-direzzjoni futura għall-UE. Id-dibattitu ta' din is-sena huwa partikolarment importanti għaliex se jkun l-aħħar wieħed qabel l-elezzjoni Ewropea f'Mejju 2019 u Kummissjoni ġdida. Dan id-dibattitu mhux biss se jirrieżamina dak li ġie ppreżentat fis-snin li għaddew liċ-ċittadini tal-UE, iżda jista' wkoll iservi ta' bażi għall-ħames snin li ġejjin billi jiddiskuti sfidi futuri u kif għandhom jiġu indirizzati.

L-avveniment jibda b'diskors mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker, li jevalwa s-sena li għaddiet u jippreżenta l-pjanijiet għas-sena li ġejja. Dan jiġi segwit minn dibattitu flimkien mal-MPE, li se jistabbilixxu x'jaħsbu li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-UE.

Fost il-kwistjonijiet diskussi fid-dibattitu tas-sena l-oħra kien hemm pjanijiet dwar id-difiża, is-sigurtà, il-migrazzjoni legali, il-kummerċ internazzjonali, l-ugwaljanza soċjali u kif jissaħħu l-kapaċità baġitarja u l-proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Aqra aktar fl-istqarrija għall-istampa.

Xandira diretta

Ara d-dibattitu f'xandira diretta online hawnhekk jew hawn bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE 24.

Facebook

Id-dibattitu dwar l-Istat tal-UE wkoll se jixxandar fuq Facebook.

L-opinjonijiet tal-MPE

Skopri x'jaħsbu l-MPE dwar l-Istat tal-UE fuq il-midja soċjali fuq Newshub tal-PE.

Twitter

Barra minn hekk, tista' taqra aġġornamenti live bil-lingwa tiegħek permezz tal-kontijiet ta' Twitter tagħna. Ingħaqad fid-diskussjoni online billi tuża l-hashtag #SOTEU.

Materjal awdjoviżiv

Xandir estensiv permezz ta' servizzi awdjoviżivi tal-Parlament se jkun disponibbli hawnhekk.

Ir-Rwol tal-Parlament

L-Istat tal-Unjoni huwa dwar l-iżgurar tat-trasparenza kif ukoll ir-responsabbiltà. Id-dibattitu jsir kull sena matul l-ewwel sessjoni plenarja ta' Settembru.

Bħala l-uniku korp tal-UE li hu elett b'mod dirett, il-Parlament Ewropew huwa l-vuċi tan-nies fuq livell Ewropew. Għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, il-votanti kellhom l-opportunità li jinfluwenzaw lil min kien se jsir il-president tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Din il-bidla wasslet għal rwol akbar għall-Parlament fl-istabbiliment tal-aġenda politika tal-UE.

F'inqas minn sena, mijiet ta' miljuni ta' Ewropej se jeleġġu Parlament Ewropew ġdid u se jiddeċiedu min se jmexxi l-Kummissjoni Ewropea li jmiss. Il-futur tal-Ewropa jinsab f'idejhom. Aqra aktar dwar l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin fid-dossier għall-istampa.

Involvi ruħek

Jekk tixtieq tgħin fis-sensibilizzazzjoni dwar l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, żur https://www.thistimeimvoting.eu/mt.