L-ewwel sitt xhur tal-2019: Elezzjonijiet Ewropej, taxxi, whistleblowers 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Elezzjonijiet, futur tal-Ewropa, Brexit... is-Sena l-Ġdida tibda b'aġenda mimlija għall-Parlament Ewropew.

Elezzjonijiet Ewropej 2019

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss - l-ewwel elezzjonijiet wara l-Brexit - se jsiru bejn it-23 u s-26 ta' Mejju. Iċ-ċittadini Ewropej se jeleġġu 705 Membri tal-PE biex jiffurmaw il-Parlament Ewropew il-ġdid, li mbagħad jeleġġi president ġdid tal-Kummissjoni. Fittex id-dibattiti bejn il-kandidati ewlenin għall-kariga.

Filmat: L-MEPs kif jirrappreżentawni?

https://multimedia.europarl.europa.eu/mt/how-do-meps-represent-me_B02-ESN-171122_ev

Il-futur tal-Ewropa

Il-Membri tal-PE se jkomplu jiddiskutu l-futur tal-Ewropa mal-mexxejja tal-UE.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez, il-Prim Ministru Finlandiż Juha Sipilä u l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte se jkunu tal-ewwel li jindirizzaw il-plenarja s-sena li ġejja.

Il-Brexit

Ir-Renju Unit għandu joħroġ mill-UE f'Marzu 2019. Kwalunkwe ftehim dwar il-Brexit irid jiġi approvat mill-Parlament Ewropew.

Il-baġit fit-tul tal-UE

Il-Parlament laħaq ftehim dwar il-prijoritajiet tiegħu għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali (2021-2027), u qed iħeġġeġ lill-Kunsill biex jinbdew it-taħditiet. Il-Membri tal-PE jridu jilħqu ftehim qabel l-elezzjonijiet Ewropej, sabiex jiġu evitati d-dewmien ta' proġetti importanti u t-telf ta' impjiegi minħabba li l-ftehim jintlaħaq tard.

L-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST)

Il-Kumitat Speċjali dwar il-proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi (PEST) se jtemm il-ħidma tiegħu b'rapport f'Jannar li jappella għall-ogħla standards biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u tal-ambjent.

Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles

F'Marzu, il-Parlament se jkun qed iħares lil hinn mill-UE billi jqis ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' Singapore u mal-Messiku. Singapore huwa sieħeb kummerċjali ewlieni tal-UE u jospita aktar minn 10,000 kumpanija Ewropea. Il-ftehim ta' kummerċ ħieles UE-Singapore se jneħħi t-tariffi kważi kollha u jissimplifika l-kummerċ.

Miżuri ġodda biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika

Fis-sessjoni parzjali ta' Jannar fi Strasburgu, il-Membri tal-PE se jiddiskutu l-komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi. L-UE trid ittejjeb miżuri bħal-litteriżmu medjatiku u żżid l-għarfien dwar, jew tħeġġeġ, il-ġurnaliżmu indipendenti u investigattiv.

Il-Whistleblowers

Il-Membri tal-PE se jkomplu jaħdmu fuq proposti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-whistleblowers fl-UE kollha, wara skandli riċenti bħal dawk ta' Dieselgate, Luxleaks, il-Panama Papers u Cambridge Analytica.