L-Ewropa fil-pala t'idek: esplora l-preżent u l-futur tal-UE bl-app tagħna 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

App ġdida żviluppata mill-Parlament tagħti ħarsa lejn kif l-UE ssawwar ħajjitna ta' kuljum u tħeġġek tinvolvi ruħek fil-futur tagħha.

Xi tfisser l-Ewropa fil-prattika

Is-Citizens' App toffri minjiera ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-Unjoni Ewropea fuq diversi aspetti ta' ħajjitna. Inti bidwi organiku? Tipprattika l-isports fuq barra? Tixtieq tagħmel xi volontarjat? Hemm diversi modi li bihom ir-regoli tal-UE jagħmlulek l-affarijiet aktar faċli. Din l-app turik kif.

Taqsima oħra tagħti ħarsa lejn x'qed tagħmel l-UE f'reġjuni differenti madwar l-Ewropa. Int mnejn int, tista' ssib proġetti megħjuna mill-UE li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.


Ħalli l-marka tiegħek

L-app tħares ukoll lejn il-futur b'dokumenti ta' riċerka dwar kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, iċ-ċiberdifiża u r-relazzjonijiet barranin, li jispjegaw ix-xejriet li se jittrasformaw is-soċjetà tagħna fis-snin li ġejjin.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-UE hija int u għalhekk l-app tgħinek issib inizjattivi li jinteressawk fl-inħawi tiegħek u taġġornak bil-progress tagħhom. Tista' timmarka avvenimenti, taqsamhom mal-ħbieb u tevalwahom. Involvi ruħek, iltaqa' ma' nies li għandhom l-istess interessi u tħassib tiegħek, u għin biex nibnu Ewropa aħjar!

L-app hi disponibbli bl-24 lingwa tal-UE. Niżżilha b'xejn mill-App Store u minn Google Play.