Il-leġiżlatura 2014-2019 tal-Parlament Ewropew: fatti u ċifri 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-leġiżlatura 2014-2019 tal-Parlament Ewropew: fatti u ċifri 

X'sura kellu l-Parlament Ewropew matul il-leġiżlatura 2014-2019 tiegħu? Skopri xi fatti interessanti qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju li se jsawru l-Parlament li jmiss.

Inqas minn nofs il-Membri tal-PE li ġew eletti f'Lulju 2014 kienu membri ġodda fil-Parlament. Madwar 51.5 % kienu diġà qdew dmirijiethom bħala Membri tal-PE. B'perċentwal ta' 90.5%, il-Greċja kellha l-akbar proporzjon ta' Membri tal-PE ġodda.

Is-sehem ta' Membri tal-PE nisa kien 36.9% fil-bidu tal-leġiżlatura, u dan naqas kemm kemm għal 36.5% fi tmiem Marzu 2019.

L-età medja tal-Membri tal-PE fi tmiem Marzu 2019 kienet 55. Fis-sessjoni kostitwenti f'Lulju 2014, il-medja kienet 53. Bejn Lulju 2014 u Marzu 2019, 108 Membri tal-PE telqu - 43 irriżenjaw, sitta mietu u 59 ħadu karigi oħra.


Sessjonijiet parzjali itwal

Is-sessjonijiet parzjali huma l-quċċata tal-ħidma tal-Membri tal-PE, meta jivvutaw dwar leġiżlazzjoni u jiddibattu kwistjonijiet topiċi. Matul il-leġiżlatura 2009-2014 kien 260 jum ta' sessjonijiet parzjali li jammontaw għal 2,160 siegħa. Minn Lulju 2014 sa Diċembru 2018, il-Membri tal-PE kienu diġà attendew 255 jum ta' sessjonijiet parzjali, jiġifieri total ta' 2,187 siegħa ta' seduti.

Sa tmiem l-2018 saru aktar minn 27,000 votazzjoni, żieda mit-23,553 votazzjoni fil-leġiżlatura preċedenti.


Kemm jgħaddi żmien sakemm tgħaddi leġiżlazzjoni

Il-leġiżlazzjoni tiġi proposta mill-Kummissjoni u trid tiġi approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-UE qabel ma ssir liġi. Il-Membri tal-PE jinnegozjaw mal-gvernijiet tal-UE biex jippruvaw jilħqu ftehim dwar it-test finali tal-leġiżlazzjoni. Skont kemm in-negozjati jkunu diffiċli, jista' jkun hemm sa tliet ċikli ta' qari kemm fil-Parlament kif ukoll fil-Kunsill.

Il-biċċa l-kbira tal-atti leġiżlattivi f'din il-leġiżlatura ġew adottati fl-ewwel qari, wara medja ta' 18-il xahar. Jekk att leġiżlattiv kellu jgħaddi għat-tieni qari, it-tul medju tal-proċedura jiżdied għal 39-40 xahar.


Il-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew

Il-partiti politiċi nazzjonali jikkompetu fl-elezzjonijiet Ewropej, iżda ladarba l-Membri tal-PE eletti jidħlu l-Parlament, jiffurmaw gruppi parlamentari multinazzjonali. In-numru ta' gruppi parlamentari baqa' pjuttost stabbli matul is-snin - bejn l-2004 u l-2014 kien hemm seba' gruppi fil-Parlament. In-numru żdied għal tmienja matul din il-leġiżlatura.

Madankollu, in-numru ta' rappreżentanti mill-partiti politiċi nazzjonali qed jiżdied b'mod kostanti - fil-leġiżlatura 2004-2009 kien hemm Membri tal-PE minn 168 partit nazzjonali, fil-bidu tal-leġiżlatura kurrenti dak in-numru żdied għal 191, u sa tmiem Marzu 2019 kien hemm Membri minn 232 partit nazzjonali.

Il-Parlament f'ċifri (Lulju 2014-Diċembru)  
  • 2,134 test adottati fis-sessjonijiet parzjali, li minnhom 708 kienu atti leġiżlattivi 
  • 552 seduta pubblika organizzati mill-kumitati tal-PE 
  • 6,880 petizzjoni mingħand iċ-ċittadini 
  • kważi 1.6 miljun ruħ żaru l-Kmamar tal-PE