Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Xi jmiss wara li l-Parlament il-ġdid ġie elett? Skopri aktar dwar il-passi li jmiss fl-infografika tagħna.

Bejn it-23 u s-26 ta' Mejju, l-Ewropej ivvotaw biex jeleġġu s-751 Membru tal-PE li se jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini tul il-ħames snin li ġejjin. Se jkun f'idejn dawk il-Membri li jeleġġu l-President tal-Kummissjoni Ewropea li jmiss u t-tim tiegħu jew tagħha.

Il-partiti politiċi Ewropej għażlu l-kandidati ewlenin biex jikkontestaw il-presidenza tal-Kummissjoni. Wara l-elezzjonijiet, u fil-qies tar-riżultati, il-mexxejja tal-UE se jipproponu kandidat għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni. Il-Parlament qal li mhux se jaċċetta kandidat li ma jkunx ħa sehem fil-proċess tal-kandidati ewlenin.

Qabelxejn, u qabel l-ewwel sessjoni plenarja tal-leġiżlatura l-ġdida fl-2 ta' Lulju, il-Membri jiddeċiedu f'liema grupp politiku sejrin jissieħbu, jekk ma jridux jibqgħu mhux affiljati. Fit-tmien leġiżlatura, kien hemm tmien gruppi politiċi.

Fl-ewwel sessjoni plenarja, il-Membri se jeleġġu l-President u l-Viċi Presidenti tal-Parlament.

Huwa mistenni li l-Parlament jivvota fuq il-President il-ġdid tal-Kummissjoni fis-sessjoni plenarja tal-2 ta' Lulju.

Imbagħad ikun f'idejn l-Istati Membri li jipproponu l-Kummissarji, b'kooperazzjoni mal-President il-ġdid tal-Kummissjoni.

Il-Kummissarji nnominati jingħarblu mill-kumitati parlamentari responsabbli għall-portafolli proposti tagħhom qabel ma ssir votazzjoni fil-plenarja dwar l-approvazzjoni tal-Kummissjoni kollha kemm hi.

Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mistennija tieħu l-kariga fl-1 ta' Novembru.

Elezzjonijiet Ewropej 2019