Dibattitu Presidenzjali: il-kandidata prinċipali Margrethe Vestager (ALDE) 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Margrethe Vestager hi fost il-kandidati għall-Presidenza tal-KE li fil-15 ta' Mejju se jkunu qed jieħdu sehem f'dibattitu f'xandira diretta fl-Ewropa kollha mill-PE fi Brussell.

Dwar Vestager


Isem: Margrethe Vestager

Partit politiku Ewropew: Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa (ALDE)

Nazzjonalità: Daniża

Età: 51

Karriera: 2014 – Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni

2011-2014 – Ministru tal-Intern u l-Affarijiet Ekonomiċi

2001-2014 – Membru Parlamentari

1998-2001 – Ministru tal-Edukazzjoni

1993 – MSc fl-ekonomija, Università ta' Copenhagen

Dwar id-dibattitu


Bħala parti mit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet Ewropej, il-partiti politiċi nnominaw kandidati għall-kariga ta' president tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidat prinċipali nominat mill-Kunsill, u li jkun kapaċi jġib maġġoranza fil-Parlament, jiġi elett President tal-Kummissjoni Ewropea b'votazzjoni fil-Parlament.


Xi drabi l-kandidati prinċipali jissejħu "Spitzenkandidaten", bil-Ġermaniż. Din is-sistema ntużat għall-ewwel darba fl-2014 biex jintgħażel il-President attwali tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker.


Id-Dibattitu Presidenzjali – Elezzjonijiet Ewropej 2019 fil-15 ta' Mejju fid-21.00 CET hija opportunità biex niskopru x'inhi l-pożizzjoni tal-kandidati prinċipali dwar diversi suġġetti.


Xi partiti politiċi nnominaw aktar minn kandidat prinċipali wieħed, iżda għażlu persuna waħda biex tirrappreżentahom fid-dibattitu.


Tliet preżentaturi televiżivi se jkunu qed jimmoderaw id-dibattitu. L-ordni tal-kelliema ttella' bil-polza.


L-ALDE nnomina tim ta' seba' kandidati prinċipali, li jinkludu lil:

Nicola Beer (49), MP Ġermaniża;

Emma Bonino (71), Senatur ta' Ruma u ex Ministru, MEP u Kummissarju;

Violeta Bulc (55), Kummissarju Ewropew għat-Trasport u ex Viċi Prim Ministru tas-Slovenja;

Katalin Cseh (30), tabiba Ungeriża speċjalizzata fl-ostetriċja u l-ġinekoloġija, fundatriċi u ex mexxejja tal-moviment Momentum;

Luis Garcano (52), ekonomista Spanjol u Viċi President tal-partit ALDE;

Guy Verhofstadt (66), President tal-grupp ALDE fil-Parlament Ewropew u ex Prim Ministru Belġjan.


Fil-Parlament, l-ALDE huwa allinjat mal-grupp ALDE.

Margrethe Vestager