10 modi kif il-Parlament ħadem għalik mill-aħħar elezzjonijiet Ewropej l-hawn 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Hekk kif l-elezzjonijiet Ewropej ser isiru bejn it-23 u s-26 ta' Mejju, aqra daqsxejn kif il-Parlament Ewropew ħadem tul dawn l-aħħar ħames snin biex itejjeb il-ħajja ta' kuljum tiegħek.

Telefonati orħos

Ir-regoli tal-UE ''roam-like-at-home'', li daħlu fis-seħħ f'Ġunju 2017, ifissru li kull fejn tmur fl-UE, tista' ċċempel, tibgħat messaġġ jew tuża d-data tal-mobile tiegħek bl-istess prezz daqslikieku f'pajjiżek. Barra minn hekk, biex l-Ewropej jibqgħu f'kuntatt mal-għeżież tagħhom f'pajjiżi oħra tal-UE b'mod aktar affordabbli, mill-15 ta' Mejju 2019 il-prezz tat-telefonati intra-UE se jkun limitat għal 19-il ċenteżmu kull minuta.


Għażla ikbar meta tixtri online

Il-konsumaturi issa għandhom aċċess transfruntier usa' u eħfef għall-prodotti, l-ibbukkjar ta' lukandi, il-kiri ta' karozzi, il-biljetti għall-festivals tal-mużika u ħafna aktar permezz ta' regoli ġodda li jindirizzaw l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, li ilhom fis-seħħ madwar l-UE minn Diċembru 2018.


Inqas plastik fl-ibħra u x-xmajjar tagħna

Mindu il-Parlament approva regoli ġodda biex jitnaqqas l-użu ta' basktijiet tal-plastik ħfief fl-2015, 72% tal-Ewropej jgħidu li qed jużaw inqas minnhom. Pass ieħor importanti lejn l-indirizzar tat-tniġġis tal-plastik sar f'Marzu 2019 meta l-Parlament approva liġi ġdida li tipprojbixxi firxa ta' oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss fosthom platti, pożati u straws.



Aktar protezzjoni online

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data, li daħal fis-seħħ f'Mejju 2018, huwa l-ikbar bidla radikali li saret fir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE f'dawn l-aħħar żewġ deċennji, u jagħti lill-Ewropej aktar kontroll fuq kif tintuża d-data personali tagħhom. Il-Parlament aġġorna wkoll ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur biex jagħmilhom adattati għall-era diġitali.


Drittijiet imsaħħa għall-ħaddiema

F'April 2019, il-Membri tal-PE (MPE) adottaw miżuri ġodda għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja. Missirijiet ġodda għandu jkollhom mill-anqas għaxart ijiem ta' leave tal-paternità filwaqt li ħaddiema li jindukraw lil ħaddieħor jistgħu jieħdu ħamest ijiem ta' leave fis-sena. Il-Parlament introduċa wkoll drittijiet minimi għall-ħaddiema li jaħdmu xogħol fuq talba, xogħol imħallas b'vawċer jew fuq pjattaforma diġitali ma', pereżempju, Deliveroo jew Uber.


Dinja b'saħħitha għall-ġenerazzjonijiet futuri

B'vot storiku fl-2016, il-Parlament approva l-Ftehim ta' Pariġi, ftehim ta' sinifikat kbir biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. Minn dakinhar, il-MPE ħadmu fuq sensiela ta' miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jagħtu spinta lill-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli.




Aktar opportunitajiet biex tistudja u titħarreġ barra minn pajjiżek

Sabiex aktar Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-programm ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE, f'Marzu 2019 il-MPE talbu li l-finanzjament għall-Erasmus+ għall-perjodu 2021-2027 jittriplika.


Spinta lit-tkabbir ekonomiku

Il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun, approvat mill-Parlament f'Diċembru 2018, huwa l-ikbar ftehim kummerċjali bilaterali li qatt innegozjat l-Unjoni. Dawn il-ftehimiet huma element ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u fost ftehimiet kummerċjali oħra approvati mill-Parlament f'dawn l-aħħar snin insibu dawk mal-Kanada u ma' Singapore.


Ewropa aktar sigura

Biex jiġġieled it-terroriżmu u forom oħra ta' reati serji, fl-2016 il-Parlament appoġġa regoli li jobbligaw lil-linji tal-ajru jipprovdu informazzjoni dwar persuni li jtiru lejn u barra mill-UE lis-servizzi ta' sigurtà. Fis-sena ta' wara, l-MPE approvaw regoli ġodda għall-UE kollha li jsaħħu l-azzjoni kontra l-ġellieda barranin u t-terroriżmu minn ilpup solitarji. Il-Parlament elimina wkoll lakuni fil-liġijiet tal-UE dwar l-armi tan-nar u approva regoli biex jiġi miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu.


Kontijiet tal-enerġija orħos

Il-konsumaturi Ewropej jistgħu jistennew iffrankar medju sa 500 euro fis-sena fuq il-kontijiet tal-enerġija tad-djar grazzi għal tikkettar tal-enerġija simplifikat għall-apparat domestiku, approvat mill-MPE fl-2017.

L-elezzjonijiet Ewropej se jsiru bejn it-23 u s-26 ta' Mejju. Il-vot tiegħek jista' jgħin fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa u jinfluwenza kif il-Parlament jiddeċiedi fuq kwistjonijiet li jaffettwawlek il-ħajja ta' kuljum. Skopri aktar hawnhekk.