Dibattitu presidenzjali: il-kandidati jippreżentaw lilhom infushom biex jipprovaw isiru President tal-Kummissjoni 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Nies mill-Ewropa kollha segwew sitt kandidati għall-presidenza tal-Kummissjoni jiddiskutu l-verżjonijiet tagħhom għall-UE.

Id-Dibattitu Presidenzjali – Elezzjonijiet tal-UE 2019 li sar fil-15 ta' Mejju ġie mxandar minn tal-inqas 35 stazzjon u minn iktar minn 60 pjattaforma online u kien opportunità biex wieħed jiskopri l-pożizzjoni tal-kandidati ewlenin rigward firxa ta' kwistjonijiet. Id-dibattitu, li sar fil-Parlament Ewropew fi Brussell, kien immexxi minn tliet moderaturi televiżivi. L-ordni tal-kelliema ttella' bil-polza.

Id-dibattitu huwa wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet Ewropej

fit-23, l-24 u s-26 ta' Mejju. Il-Parlament Ewropew il-ġdid u l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se jistabbilixxu d-direzzjoni tal-UE għall-ħames snin li ġejjin.

Ara l-filmat ta' hawn fuq għal uħud mill-mumenti saljenti.


Dwar il-proċess ta' kandidat ewlieni

Il-partiti politiċi jressqu kandidati għall-kariga ta' president tal-Kummissjoni Ewropea qabel l-elezzjonijiet Ewropej. Il-kandidat ewlieni nnominat mill-Kunsill, u li jkun kapaċi jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Parlament, jiġi elett President tal-Kummissjoni Ewropea permezz ta' votazzjoni fil-Parlament.

Dawn il-kandidati huma magħrufa wkoll bit-terminu Ġermaniz "Spitzenkandidaten". Din is-sistema ntużat għall-ewwel darba fl-2014 biex intgħażel il-President attwali tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker.

Kien hemm xi partiti politiċi li nnominaw iktar minn kandidat ewlieni wieħed, iżda għażlu persuna waħda biex tirrappreżentahom fid-dibattitu tal-15 ta' Mejju.