Elezzjonijiet 2019: l-aktar darba li ħarġu nies jivvutaw f'20 sena  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Wara li fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 żdiedet il-votazzjoni, wasal iż-żmien li jiġu ffinalizzati l-gruppi politiċi u jiġi deċiż min se jkun il-president tal-Kummissjoni Ewropea.

Provisional results 20 June  

Kemm ħarġu jivvutaw


Din id-darba, aktar minn 50 % taċ-ċittadini tal-UE li kienu eliġibbli biex jivvutaw ħadu sehem fl-elezzjonijiet, l-ogħla rata ta' parteċipazzjoni f'20 sena u l-ewwel darba wara l-ewwel elezzjonijiet diretti fl-1979 li żdiedet il-parteċipazzjoni.


In-numri żdiedu f'21 pajjiż, b'żieda ta' aktar minn 10 punti perċentwali f'sebgħa minnhom. Ara ċ-ċifri tal-għadd ta' nies li ħarġu jivvutaw hawn.


Kun af x'qed jiġri fl-elezzjonijiet mil-live blog tagħna.

Ir-riżultati


S'issa, ir-riżultati finali huma disponibbli għall-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja u s-Slovakkja. Hemm stimi nazzjonali għall-Irlanda u għar-Renju Unit u riżultati provviżorji għall-pajjiżi l-oħra. Dan ifisser li r-riżultati provviżorji li jidhru fl-immaġni ta' hawn fuq għadhom jistgħu jinbidlu.


Għal aktar informazzjoni, ara s-sit web tar-riżultati, li jiġi aġġornat b'mod regolari hekk kif tasal data ġdida.


Il-gruppi politiċi


Issa li l-elezzjonijiet għaddew, il-Membri Parlamentari Ewropej li għadhom kemm ġew eletti jeħtiġilhom jiddeċiedu dwar liema grupp politiku se jingħaqdu miegħu jew jiffurmaw fil-Parlament. Il-gruppi jinkludu membri minn pajjiżi differenti li jikkondividu l-affinitajiet politiċi.


Il-gruppi politiċi jgawdu minn ċerti vantaġġi bħal pereżempju aktar influwenza u ħin tad-diskors, iżda jeħtiġilhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti, fosthom li jridu jikkonsistu minn tal-anqas 25 Membru tal-PE minn tal-anqas seba' Stati Membri.


Għal aktar informazzjoni dwar il-gruppi politiċi ċċekkja l-FAQs.

Il-kandidati ewlenin


Qabel l-elezzjonijiet Ewropej, il-partiti politiċi ressqu xi kandidati għall-kariga ta' president tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidat ewlieni nnominat mill-Kunsill, u li jkun kapaċi jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Parlament, jiġi elett President tal-Kummissjoni Ewropea permezz ta' votazzjoni fil-Parlament.


Il-kandidati ewlenin huma magħrufa wkoll bit-terminu Ġermaniż "Spitzenkandidaten". Din is-sistema ntużat għall-ewwel darba fl-2014 biex intgħażel il-President attwali tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker.


Abbażi tar-riżultati tal-elezzjoni, il-kandidati ewlenin issa jippruvaw jiffurmaw maġġoranza fil-Parlament biex jappoġġjaw l-offerta tagħhom. Sadanittant il-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE se jiltaqgħu għal summit fi Brussell nhar it-Tlieta 28 ta' Mejju biex jiddiskutu r-riżultati tal-elezzjonijiet u jibdew il-proċess ta' nomina għal president tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-kapijiet tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Il-Kunsill għandu l-għan li jinnomina l-mexxejja l-ġodda sa Ġunju.