Il-Programm tar-Radju Europhonica IT jirbaħ il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2019  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

(From left): Canan Yasar (Muslims against Anti-Semitism); Yannika Ronnqvist (Your European Citizenship); Sarah Penge, (Europhonica IT) 

Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ ta' din is-sena jmur għall-proġett Taljan Europhonica IT — programm tar-radju li fih iż-żgħażagħ jaqsmu l-istejjer u l-fehmiet tagħhom dwar l-Ewropa.

Waqt l-għoti tal-premju fit-28 ta' Mejju fil-belt ta' Aachen, fil-Ġermanja, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Rainer Wieland qal li "Europhonica huwa l-eżempju perfett ta' kif tressaq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini, kemm billi tgħinhom jifhmu l-funzjonament tal-istituzzjonijiet kif ukoll billi ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ċivika tagħhom".

Il-premju, li ġie varat fl-2008 u jingħata b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlu Manju, huwa miftuħ għall-inizjattivi mmexxija minn żgħażagħ ta' bejn is-16 u t-30 sena li jkunu ħadu sehem fi proġetti li jgħinu biex titrawwem il-komprensjoni bejn persuni minn pajjiżi differenti tal-Ewropa.

It-28 rappreżentant tal-proġetti nazzjonali rċevew diploma u midalja kull wieħed, u ser jattendu l-għoti tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju lil António Guterres, Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fit-30 ta' Mejju. Huwa se jkun onorat bħala "promotur eċċellenti tal-mudell Ewropew tas-soċjetà."

It-tliet rebbieħa tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ 2019 huma:


L-Ewwel Post: L-Italja – Europhonica IT (RadUni – Associazione Operatori Radiofonici Universitari)

Europhonica IT huwa programm tar-radju li jagħti leħen lill-midja indipendenti tal-istudenti u tal-universitajiet. It-tim editorjali huwa magħmul minn żgħażagħ minn Franza, l-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Greċja u l-Ġermanja, u l-programm jixxandar kull xahar mill-Parlament Ewropew fi Strasburgu.


It-Tieni Post: Il-Finlandja – Iċ-Ċittadinanza Ewropea Tiegħek (Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ)

Il-proġett "Iċ-Ċittadinanza Ewropea Tiegħek" joffri mezz li ż-żgħażagħ Finlandiżi jistgħu jidentifikaw miegħu biex jitgħallmu dwar kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u dwar il-kulturi Ewropej. Minbarra l-lectures dwar l-UE fl-iskejjel, erba' avvenimenti internazzjonali laqqgħu flimkien madwar 500 żagħżugħ u żagħżugħa biex jiddiskutu, jiddibattu u jiffurmaw opinjonijiet dwar temi attwali Ewropej. Il-parteċipanti għamlu wkoll simulazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew.


It-Tielet Post: L-Awstrija – Musulmani kontra l-Anti-Semitiżmu, Muslimische Jugend Österreich

Il-proġett pilota "Musulmani kontra l-Anti-Semitiżmu" għandu l-għan li jqajjem kuxjenza fost il-Musulmani żgħażagħ nisa u rġiel dwar il-kwistjoni tal-anti-Semitiżmu minn perspettiva kritika interna Musulmana. Ġew organizzati laqgħat ta' ħidma ma' esperti u nħolqu postijiet fejn Musulmani u Lhud setgħu jiltaqgħu biex jippromwovu identità komuni Awstrijaka u Ewropea.

Segwi l-aħbarijiet fuq il-midja soċjali bil-hashtag # ECYP2019