Il-Parlament jibda l-leġiżlatura l-ġdida b'seba' gruppi politiċi 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Tqassim tas-siġġijiet skont il-grupp politiku. NI tirreferi għall-MEPs mhux affiljati, li mhuma parti mill-ebda grupp politiku  

Hekk kif il-Parlament il-ġdid iltaqa' għall-ewwel darba fit-2 ta' Lulju, l-MEPs iffurmaw seba' gruppi politiċi. Kompli aqra biex issir taf aktar.

Malli ħarġu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, l-MEPs eletti bdew jorganizzaw ruħhom fi gruppi politiċi li jgħaqqdu rappreżentanti minn pajjiżi differenti tal-UE abbażi tal-affinità politika tagħhom.

Skont ir-regoli tal-Parlament, grupp politiku jrid ikun magħmul minn minimu ta' 25 MEP minn kwart tal-Istati Membri (bħalissa dan ifisser minimu ta' seba' pajjiżi). L-MEPs jistgħu jkunu parti minn grupp politiku wieħed biss, iżda jistgħu jagħżlu li ma jkunux parti minn grupp; dawn jissejħu "mhux affiljati". Bħalissa, 57 MEP għażlu li ma jissiħbux fi grupp politiku.

Grupp politiku jista' jiġi ffurmat fi kwalunkwe mument matul il-leġiżlatura. S'issa, seba' gruppi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa.

Il-gruppi politiċi jgawdu ċerti vantaġġi: għandhom rwol importanti fit-tiswir tal-aġenda tal-Parlament, jingħataw aktar ħin għad-diskorsi matul id-dibattiti u jingħataw ukoll aktar spazju għall-uffiċċji, persunal u riżorsi finanzjarji. Jiddeċiedu wkoll dwar il-kompożizzjoni tal-kumitati u d-delegazzjonijiet parlamentari.


Dawn huma l-gruppi politiċi fit-2 ta' Lulju 2019, mill-kbir saż-żgħir:


Grupp politiku

President jew kopresidenti

Membri

Grupp tal-Partit Popolari Ewropew (PPE)

Manfred Weber (il-Ġermanja). Dan hu r-raba' mandat tiegħu bħala MEP. Ilu jippresiedi l-grupp mill-2014.

182

Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (S&D)

Iratxe García (Spanja). MEP mill-2004.

154

Renew Europe

Dacian Cioloș (ir-Rumanija). Dan hu l-ewwel mandat tiegħu bħala MEP. Serva bħala kummissarju tal-agrikoltura bejn l-2010 u l-2014 u kien Prim Ministru.

108

Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea (Verts/ALE)

Ska Keller (il-Ġermanja) u Philippe Lamberts (il-Belġju). Keller ilha MEP mill-2009 u saret kopresident tal-grupp fl-2016. Lamberts sar MEP fl-2009 u kopresident fl-2014.

74

Identità u Demokrazija (ID)

Marco Zanni (l-Italja). MEP minn Lulju 2014.

73

Konservattivi u Riformisti Ewropej (ECR)

Ryszard Legutko (il-Polonja) u Raffaele Fitto (l-Italja). Legutko, MEP mill-2009, sar kopresident fl-2017. Fitto kien MEP bejn l-1999 u l-2000 u reġa' beda jservi fl-2014.

62

Grupp Konfederali tax-Xellug Magħqud Ewropew - Xellug Aħdar Nordiku (GUE/NGL)

Manon Aubry u Martin Schirdewan (il-Ġermanja) huwa l-aġent president sakemm il-grupp jeleġġi president ġdid. MEP mill-2017.

41


Skopri aktar dwar il-gruppi politiċi u d-daqs tagħhom f'din il-leġiżlatura u fil-leġiżlaturi preċedenti fis-sit tar-riżultati elettorali tagħna.