Skopri l-10 films fil-kompetizzjoni għall-Premju Ċinematografiku LUX tal-2019  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-għażla tal-2019 

L-10 films li qed jikkompetu għall-Premju Ċinematografiku LUX ta' din is-sena ġew żvelati nhar il-Ħadd fil-Festival Internazzjonali taċ-Ċinema Karlovy Vary. Sib liema films huma inklużi.

Bdiet edizzjoni oħra tal-kompetizzjoni tal-Premju Ċinematografiku LUX fil-festival internazzjonali taċ-ċinema Karlovy Vary, fir-Repubblika Ċeka. L-10 films magħżula għall-kompetizzjoni tal-2019 ġew żvelati fit-30 ta' Ġunju.

Il-Parlament Ewropew jappoġġa ċ-ċinema bħala mod biex jitħeġġeġ id-dibattitu dwar il-valuri u l-kwistjonijiet soċjali. Bis-saħħa tal-Premju Ċinematografiku LUX, it-tliet films finalisti se jiġu sottotitolati bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u se jintwerew madwar l-Ewropa kollha din il-ħarifa.

L-għażla tal-2019

L-10 films, magħżula mill-ġurija tal-Premju Ċinematografiku LUX, jinkludu films twal li jirrappreżentaw id-debutt tad-diretturi, films ta' finzjoni u dokumentarji, diretti minn kemm diretturi rġiel kif ukoll nisa mill-irkejjen kollha tal-Ewropa.

Dawn huma (fl-ordni alfabetiku skont il-verżjoni bl-Ingliż tat-titolu tal-film):

  • ClergyWojciech Smarzowski (il-Polonja)
  • Cold Case HammarskjöldMads Brügger (id-Danimarka/in-Norveġja/l-Iżvezja/il-Belġju)
  • God Exists, Her Name Is PetrunyaTeona Strugar Mitevska (il-Maċedonja ta' Fuq/il-Belġju/is-Slovenja/il-Kroazja/Franza)
  • Her JobNikos Labôt (il-Greċja/Franza/is-Serbja)
  • HoneylandTamara Kotevska, Ljubomir Stefanov (il-Maċedonja ta' Fuq)
  • InvisiblesLouis-Julien Petit (Franza)
  • Ray & LizRichard Billingham (ir-Renju Unit)
  • System CrasherNora Fingscheidt (il-Ġermanja)
  • The Man Who Surprised EveryoneNatasha Merkulova, Aleksey Chupov (ir-Russja/l-Estonja/Franza)
  • The RealmRodrigo Sorogoyen (Spanja/Franza)

Il-passi li jmiss

Fit-23 ta' Lulju se tiġi mħabbra lista qasira ta' tliet films f'konferenza stampa matul il-Giornate degli Autori f'Ruma. Dawn it-tlieta mbagħad se jiġu sottotitolati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u jintwerew f'kull pajjiż tal-UE matul il-LUX Film Days fil-ħarifa.

Ir-rebbieħ se jintgħażel mill-Membri tal-Parlament u jingħata l-premju fil-plenarja ta' Strasburgu fis-27 ta' Novembru 2019.

Rakkomandazzjoni tal-Pubbliku għall-Premju Ċinematografiku LUX tal-2018

Minkejja li l-MEPs jiddeċiedu dwar ir-rebbieħ, il-pubbliku jista' jgħid tiegħu wkoll. Waqt il-wiri tal-LUX Film Days, kulħadd jista' jivvota għall-favorit tagħhom fost it-tliet finalisti. Wara, il-premju tar-Rakkomandazzjoni tal-Pubbliku jiġi żvelat fil-Festival Karlovy Vary. Din is-sena ntrebaħ minn Woman at War minn Benedikt Erlingsson u ġie mħabbar minn Barbara Majsa mill-Iżvezja, li ġiet magħżula b'mod każwali minn dawk li vvutaw.


Għaliex il-Premju Ċinematografiku LUX?

Kif imsemmi qabel, it-tliet films li jikkompetu se jkunu sottotitolati fl-24 lingwa u l-wiri tagħhom se jkun organizzat madwar l-Ewropa kollha sabiex jgħin lil dawn il-produzzjonijiet promettenti lil hinn mis-suq nazzjonali tagħhom. Dan huwa traduzzjoni prattika tal-għan tal-Premju Ċinematografiku LUX: li jippromwovi ċ-ċinema Ewropea, jagħmel il-films aċċessibbli għal udjenzi akbar fost il-lingwi u l-kulturi u jħeġġeġ id-dibattitu dwar il-valuri u l-kwistjonijiet soċjali madwar l-Ewropa.