Il-Globalizzazzjoni: kif il-Parlament Ewropew qed jiżgura li taħdem sew

Il-globalizzazzjoni toffri kemm sfidi u kemm opportunitajiet: aqra x'diġà għamel il-Parlament biex ingawdu kemm nistgħu minnha.

L-UE tgħin biex ittaffi l-effetti ħżiena tal-globalizzazzjoni
L-UE tgħin biex ittaffi l-effetti ħżiena tal-globalizzazzjoni ©AP Images/European Union-EP

Il-globalizzazzjoni toffri potenzjal kbir għall-ħolqien tal-ġid u tal-impjiegi, iżda hija wkoll kapaċi tħarbat l-affarijiet. L-UE minn dejjem ippruvat tagħmel l-aħjar użu minnha, filwaqt li ttaffi l-effetti negattivi tagħha billi tistabbilixxi regoli u taħdem ma' pajjiżi oħra. Il-Kummissjoni Ewropea fl-10 ta' Mejju ppubblikat dokument ta' riflessjoni dwar kif l-UE għandha tittratta l-globalizzazzjoni fil-futur, suġġett li l-MPE ddibattewh fil-plenarja fis-16 ta' Mejju. Kompli aqra biex titkixxef x'diġà għamel il-Parlament dan l-aħħar.

 

X'għamel il-Parlament dan l-aħħar

L-UE hija l-akbar protagonista fil-kummerċ dinji u tuża l-qawwa ekonomika tagħha biex timponi standards għolja fuq prodotti li jiġu importati kif ukoll biex tippromwovi l-valuri tagħha fil-bqija tad-dinja. L-MPE dejjem ikunu ħerqana jagħmlu użu minn dan billi jinsistu fuq iż-żieda ta' emendi fi ftehimiet tal-UE. Fin-negozjati reċenti dwar Ceta, pressjoni mill-Parlament wasslet biex minflok is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati jkun hemm sistema ta' qorti tal-investiment, b'garanzija ta' aktar trasparenza u bl-iżgurar li l-gvernijiet ikollhom kontroll fuq l-għażla tal-arbitri. 

 

L-MPE huma favur miżuri li jikkumbattu l-kompetizzjoni inġusta minn barra l-UE, bħal meta talbu strateġija tal-UE wara mewġa ta' importazzjonijiet fl-UE ta' provvisti ferrovjarji rħas. Biex jipproteġi l-impjiegi fl-Ewropa, il-Parlament qed jagħfas biex bla dewmien jintlaħaq qbil dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti tal-UE għad-difiża kummerċjali.  Bħal dejjem, jeħtiġilna nsibu bilanċ korrett, bħal fil-każ taċ-Ċina.

Biex ma jħallux li l-kummerċ tal-minerali jiffinanzja l-kunflitti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, f'Marzu l-MPE adottaw abbozz ta' regolament tal-UE li jimponi l-obbligu li l-importaturi kollha tal-UE ta' landa, tungstenu, tantalu u deheb jiċċekkjaw dwar il-fornituri tagħhom, filwaqt li manifatturi kbar se jkollhom ukoll jgħidu kif biħsiebhom jimmonitorjaw is-sorsi tagħhom ħalli dawn jikkonformaw mar-regoli. Barra minn hekk, minħabba l-Parlament, ir-regoli riveduti tal-UE li jipprevjenu l-kummerċ fi prodotti u servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għal atti ta' tortura jew eżekuzzjoni jinkludu projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u t-tranżitu ta' tagħmir użat għal trattament krudili, inuman u degradanti ta' persuni barra mill-UE.

Il-Parlament ukoll ta' sikwit iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji leġiżlazzjoni ġdida billi jadotta riżoluzzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess Pereżempju, f'April l-MPE talbu li jitfasslu regoli tal-UE biex jobbligaw lill-fornituri tat-tessuti u tal-ilbies jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema. F'dak l-istess xahar, l-MPE wkoll talbu li jkun hemm skema unika ta' ċertifikazzjoni għaż-żejt tal-palma li jidħol fis-suq tal-UE, biex jilqgħu għall-effetti tal-produzzjoni mhux sostenibbli taż-żejt tal-palm, bħad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-habitats.

L-MPE jżommu quddiem għajnejhom ukoll kif il-globalizzazzjoni tolqot l-impjiegi, pereżempju billi japoġġjaw inizjattivi maħsuba biex isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema.  Il-Parlament bħalissa qed jaħdem biex jipproteġi lil min jinsab f'forom ġodda ta' impjieg maħluqa mill-ekonomija diġitali. Il-Parlament jappoġġja wkoll il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jgħin lil ħaddiema ssensjati jsibu impjiegi ġodda. Pereżempju, fil-11 ta' Mejju l-Kumitat għall-Baġits approva  €2.6 miljun biex jgħin lil 821 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn Nokia fil-Finlandja.

Dawn huma biss ftit eżempji ta' dak li għamel il-Parlament rigward il-globalizzazzjoni f'dawn l-aħħar xhur, imma jagħtu idea tal-modi differenti li bihom l-MPE qed jaħdmu biex jiżguraw li l-globalizzazzjoni taħdem sewwa għall-Ewropej.

 

Dibattitu dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea

Sal-aħħar ta' Ġunju, il-Kummissjoni se tippubblika ħames dokumenti ta' riflessjoni biex tagħti bidu għal dibattitu dwar il-ġejjieni tal-integrazzjoni Ewropea. Kull dokument jittratta tema speċifika: id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, il-globalizzazzjoni, l-unjoni ekonomika u monetarja, id-difiża u l-finanzi. Id-dokumenti fihom ideat u xenarji dwar x'bixra jista' jkollha l-Ewropa fl-2025, iżda l-ebda proposta konkreta. L-inizjattiva tispiċċa f'nofs Settembru, meta l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker jagħmel id-diskors annwali tiegħu dwar l-istat tal-Unjoni.

 

Dan l-artiklu ġie aġġornat fis-16 ta' Mejju 2017 biex jinkludi d-dibattitu fil-plenarja

Il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu fl-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2017

  • Il-promozzjoni tal-paċi u tad-demokrazija fid-dinja (73%)
  • Il-politika ekonomika (58%)
  • Il-politika barranija (57%)

Materjal awdjoviżiv

"L-UE m’għandiex tforni għodda għal tortura"
L-element uman tal-moda tal-lum: il-każ għall-qafas vinkolanti

Stejjer ewlenin