Difiża: l-UE tappoġġja l-iżvilupp ta' tagħmir militari  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Find out the facts in our infographic 

Jista' jkun li l-UE tonfoq il-flus fid-difiża għall-ewwel darba. Il-PE lest jibda taħditiet mal-Istati Membri dwar pjanijiet b'appoġġ għall-iżvilupp u l-akkwist konġunti ta' tagħmir militari

L-idea ta' integrazzjoni aktar profonda fil-qasam tad-difiża mhijiex ġdida. Il-Komunità Ewropea tad-Difiża kienet waħda mill-ewwel u l-iżjed tentattivi ambizzjużi biex tinħoloq armata Ewropea konġunta fil-bidu tas-snin ħamsin, iżda l-falliment tagħha berred l-ambizzjonijiet għad-difiża komuni tal-Ewropa għal kważi nofs seklu.

 

F'dawn l-aħħar għoxrin sena, il-mixja lejn il-kooperazzjoni intensifikat u l-PESCO hija l-aktar inizjattiva reċenti għall-iżvilupp konġunt tal-kapaċitajiet militari Ewropej. Barra minn hekk, jista' jkun li, għall-ewwel darba, proġetti kollaborattivi fil-qasam tat-teknoloġija tad-difiża, pereżempju l-iżvilupp ta' drones ta' sorveljanza minn fuq il-baħar, jiġu kofinanzjati direttament mill-UE.

 

Fit-13 ta' Marzu, il-Parlament ikkonferma d-deċiżjoni biex jinbdew negozjati mal-Istati Membri dwar proposta biex jinħoloq programm ta' żvilupp industrijali tad-difiża Ewropea, li jipprevedi l-allokazzjoni ta' €500 miljun mill-baġit tal-UE għall-2020-2019 għall-kofinanzjament tal-iżvilupp konġunt ta' teknoloġiji ġodda tad-difiża u l-appoġġ ta' xiri konġunt ta' tagħmir. Dan l-ammont, imbagħad, mistenni jiżdied għal €1 biljun fis-sena. Programm simili li joffri għotjiet għal riċerka militari konġunta, pereżempju fil-qasam taċ-ċiberdifiża u r-robotika, għandu jiġi propost mill-Kummissjoni Ewropea din is-sena, b'baġit annwali ta' €500 miljun wara l-2020, filwaqt li diġà beda programm pilota ta' €90 miljun għall-2017-2019.

 

Il-Membri tal-PE qed jinsistu li, biex ikun eleġibbli għal finanzjament mill-programm, l-iżvilupp ta' prodotti tad-difiża għandu jsir minn – tal-inqas – tliet kumpaniji, stabbiliti – tal-inqas – fi tliet pajjiżi tal-UE, filwaqt li ċerti prodotti tad-difiża, bħal armi tal-qerda tal-massa u armi kompletament awtonomi, għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament.

 

Fir-riżoluzzjoni ta' Diċembru 2017 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, il-Membri laqgħu dawn l-isforzi biex jiġi kkoordinat aħjar l-infiq fid-difiża u jitnaqqsu d-duplikazzjoni u l-ħela, filwaqt li fakkru li, "meta mqabbla mal-Istati Uniti, l-UE-28 jonfqu 40 % fuq id-difiża iżda jirnexxilhom jiġġeneraw biss 15 % tal-kapaċitajiet li l-Istati Uniti jisiltu mill-proċess, u dan jindika problema serja ħafna ta' effiċjenza".

 

"Irridu nikkooperaw aħjar fuq proġetti innovattivi u nipproteġu aħjar l-għarfien u t-teknoloġija tagħna," qalet il-membru Franċiż tal-PPE Françoise Grossetête, li hija inkarigata mit-tmexxija tal-proposti fil-Parlament, waqt diskussjoni mal-esperti fit-22 ta' Jannar.