Is-sigurtà tal-fruntiera: kontroll tal-vjaġġaturi qabel ma jaslu fl-UE  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-vjaġġaturi li m'għandhomx bżonn viża fil-futur se jiġu kkontrollati qabel ma jaslu fl-UE permezz tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).

L-idea wara l-kontrolli hija li jinqabdu l-kriminali, it-terroristi jew kwalunkwe persuna li tippreżenta riskju qabel ma jaslu fl-UE, u dan jista' jibda jsir diġà mill-2021. Il-Membri tal-PE adottaw il-pjanijiet nhar il-Ħamis 5 ta' Lulju.

Madankollu, il-kontrolli sistemiċi m'għandhom jikkawżaw l-ebda problema lill-vjaġġaturi regolari. Kinga Gál, il-membru mill-Ungerija tal-PPE responsabbli għat-tmexxija tal-proposta fil-Parlament, qalet:  “Se jkun proċess faċli... sempliċiment verifika online, li jistgħu jagħmlu qabel ma jivvjaġġaw lejn l-UE.”

Is-sitwazzjoni attwali

Hemm nuqqas ta' informazzjoni rigward persuni minn pajjiżi li ma jeħtiġux viża meta jivvjaġġaw lejn l-UE. Bħalissa dawn jiġu kkontrollati meta jaslu fil-fruntiera ta' Schengen. Id-deċiżjoni li tippermetti jew tiċħad id-dħul tittieħed minn gwardji tal-fruntiera mingħajr ma jkunu jafu jekk il-persuna hijiex meqjusa riskju. Huwa partikolarment diffiċli meta n-nies jaslu bl-art peress li l-unika informazzjoni mbagħad tkun id-dokument tal-ivvjaġġar tagħhom.

Madwar 39 miljun vjaġġatur mingħajr viża minn iktar minn 60 pajjiż mistennija jżuru l-UE fl-2020, apparagun ta' 30 miljun fl-2014. Peress li l-ftuħ tal-Ewropa m'għandux iseħħ askapitu tas-sigurtà tagħha, l-ETIAS ġiet żviluppat għall-identifikazzjoni tat-tħassib possibbli dwar is-sigurtà.

Diġà jeżistu mudelli simili f'pajjiżi bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.

X'se jinbidel?

Il-persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi li m'għandhomx bżonn viża biex iżuru l-UE se jkollhom jimlew formola elettronika qabel ma jivvjaġġaw bid-dokumentazzjoni u d-data personali, bħall-isem, id-data u l-post tat-twelid, is-sess u n-nazzjonalità. Se jkun hemm ukoll mistoqsijiet ta' sfond dwar kwistjonijiet bħal rekords kriminali preċedenti u l-preżenza tagħhom f'żoni ta' kunflitt. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet biex jivvalutaw jekk persuna tistax tkun ta' riskju ferm qabel tasal fil-fruntiera ta' Schengen. Jekk ikunu ta' riskju, jistgħu jiġu miċħuda d-dħul.

Rapida, irħisa u effettiva

L-awtorizzazzjoni se tiswa EUR 7 u se tkun valida għal mhux aktar minn tliet snin. Din se kun b'xejn għal dawk ta' taħt it-18-il-sena u għal dawk li għandhom iżjed minn 70 sena. Huwa mistenni li l-maġġoranza l-kbira tal-applikanti se jiksbu l-awtorizzazzjoni kważi immedjatament. Id-deċiżjoni finali dwar id-dħul fl-UE tibqa' f'idejn il-gwardja tal-fruntiera nazzjonali.

X'jiġri jekk ikun hemm riskju?

L-applikazzjonijiet se jiġu pproċessati b'mod awtomatiku. Jekk ikun hemm hit ma' xi waħda mid-databases tas-sigurtà tal-UE jew ikun hemm tweġiba pożittiva għall-mistoqsijiet, id-data tiġi ċċekkjata manwalment u r-riskji jiġu vvalutati b'mod individwali. Id-deċiżjoni trid tittieħed fi żmien erba' ġimgħat. Id-deċiżjonijiet ta' ċaħda jridu jkunu ġustifikati u l-applikant għandu d-dritt jappella.

Il-passi li jmiss

Ladarba l-Parlament ikun approva l-proposta, din xorta tkun trid tiġi adottata formalment mill-Kunsill tal-Ministri. Wara dan l-ETIAS tista' ssir operattiva sal-2021. Din se taħdem flimkien mas-sistema ta' kontrolli fuq il-persuni li jkunu deħlin fl-UE - Smart Borders (Fruntieri intelliġenti), li għandha ssir operattiva sal-2020.