It-terroriżmu fl-UE: attakki terroristiċi, imwiet u arresti 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

F'dawn l-aħħar snin, in-natura tat-theddida terroristika nbidlet. Agħti ħarsa lejn l-infografika tagħna biex tara kif evolvew l-attakki, l-imwiet u l-arresti mill-2014 'l hawn.

MT_graph_terrorism.jpg 

F'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fit-theddidiet u fl-attakki terroristiċi minn ġiħadisti vjolenti, tendenza li bdiet fl-2015 bl-isparaturi fl-uffiċċji tar-rivista "Charlie Hebdo" f'Pariġi. Dawn l-attakki "ispirati mit-twemmin reliġjuż" twettqu minn terroristi fuq ordni tal-Istat Iżlamiku (IS) jew kienu ispirati mill-ideoloġija u r-retorika tal-IS.

L-attakki terroristiċi f'ċifri

Fl-2017, 62 persuna nqatlu fi 33 attakk terroristiku fl-UE, meta mqabbla ma' 135 fi 13-il attakk fl-2016, skont iċ-ċifri tal-Europol. Fis-sentejn li huma, kienu 10 biss l-attakki li laħqu l-mira tagħhom u allura tqiesu bħala "kompluti" mill-gvernijiet nazzjonali. Fl-2017, ħafna aktar attakki ġew imfixkla jew fallew milli fl-2016: minn 3 telgħu għal 23.

Fl-2015, l-għadd ta' mwiet ikkawżati minn dan it-tip ta' attakk laħaq il-quċċata – 150 – żieda qawwija minn 4 fl-2014. Fl-2017 l-attakki kienu ferm inqas letali.

Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport tal-2018 dwar is-sitwazzjoni u x-xejra tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea quddiem il-Kumitat LIBE fl-20 ta' Ġunju, Manuel Navarrete, il-kap taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tal-Europol qal, "L-attakki saru inqas sofistikati. Qed ikun hemm aktar, iżda b'xorti tajba qed jagħmlu inqas vittmi".

Is-sitwazzjoni fl-2017

10 mit-33 attakk tqiesu bħala "kompluti", 12 naqsu milli jilħqu l-objettivi tagħhom għalkollox, u 11 minnhom ġew imfixkla, l-aktar fi Franza u fir-Renju Unit.

Mietu 62 persuna: ir-Renju Unit (35), Spanja (16), l-Iżvezja (5), Franza (3), il-Finlandja (2) u l-Ġermanja (1). 819-Il persuna oħra sfaw midruba.

Total ta' 705 persuni ġew arrestati fi 18-il Stat Membru (373 fi Franza) fuq suspett ta' involviment f'attivitajiet terroristiċi ġiħadisti.

Il-kooperazzjoni fl-UE ġġib ir-riżultati

Skont Navarrete, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, li jinvolvi l-qsim ta' informazzjoni, għen biex l-attakki jiġu evitati u newtralizzati, jew biex jiġi limitat l-impatt tagħhom.

"Il-pjanijiet qed jinkixfu aktar kmieni għax l-għodod tal-intelligence u tal-pulizija qed jintużaw b'mod aktar preċiż."

"Qed nevitaw (l-attakki) u ntaffu l-għadd ta' persuni li jinqatlu jew jindarbu", kompla jgħid Navarrete.

Theddidiet potenzjali

Navarrete qal li "waħda mill-aktar theddidiet sinifikanti ġejja mill-persuni li ġew arrestati minħabba l-konnessjoni tagħhom mal-fenomenu tal-ġellieda barranin u li se jinħelsu f'qasir żmien".

Qal ukoll li l-biċċa l-kbira tal-attakki issa qed isiru minn "terroristi lokali radikalizzati fil-pajjiż fejn jgħixu", anke mingħajr qatt ma jkunu marru f'żoni ta' kunflitt bħas-Sirja jew l-Iraq.

"Għad hemm persuni li qed jirritornaw minn żoni ta' kunflitt bħall-Iraq, iżda fl-2017 iċ-ċifri kienu baxxi ħafna."

L-ebda użu sistematiku tar-rotot migratorji min-naħa tat-terroristi

"Ma rajniex użu sistematiku ta' dawn ir-rotot min-naħa tat-terroristi", qal Navarrete.

Żied jgħid ukoll, madankollu, li l-Europol identifikat "xi terroristi" li jippruvaw jużaw ir-rotot migratorji biex jidħlu fl-UE u għalhekk saħħet il-kooperazzjoni ma' pajjiżi bħall-Greċja u l-Italja u qed iżżomm "għajnejha miftuħin".