It-terroriżmu fl-UE sa mill-2015 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Security patrol activity to prevent terrorism. Photo by Manu Sanchez on Unsplash 

Wara s-serje ta' attakki terroristiċi fl-Ewropa sa mill-2015, x'inhi l-qagħda preżenti? Min huma t-terroristi? L-UE kif tiġġieled it-terroriżmu? 2015: żieda fl-attakki terroristiċi

Sa mill-2015, l-Ewropa ntlaqtet minn mewġa ġdida ta' attakki terroristiċi, immexxija minn attakki ġiħadisti, li skont l-Europol żdiedu minn 4 fl-2014 għal 17 fl-2015, u komplew jiżdiedu għal 33 fl-2017.

It-terroriżmu huwa prijorità ewlenija għall-awtoritajiet Ewropej u l-għadd ta' arresti relatati mat-terroriżmu ġiħadista fl-UE żdied minn 395 fl-2014 għal 705 fl-2017.

Il-ġiħadisti mhumiex l-uniku grupp li qed iwettaq attakki fl-Unjoni Ewropea. L-Europol tikklassifika l-atti terroristiċi f'erba' kategoriji oħra bbażati fuq il-motivazzjoni: tal-lemin, tax-xellug u l-anarkisti, in-nazzjonaliżmu etniku u s-separatiżmu, jew kwistjoni waħda (eż. drittijiet tal-annimali, kontra l-abort).

Fl-2017, il-biċċa l-kbira tal-attakki terroristiċi mwettqa fl-UE kienu kklassifikati bħala attakki separatisti (137 minn 205). Madankollu, Catherine de Bolle, id-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, qalet li "l-ebda waħda mill-attivitajiet irrappurtati f'xi kategorija ta' terroriżmu kienet daqshekk letali u kellha impatt konsiderevoli fuq is-soċjetà kollha kemm hi bħal dawk imwettqa mit-terroristi ġiħadisti."

L-attakki ġiħadisti qatlu 150 ruħ fl-2015 u 135 ruħ fl-2016. Ta' min jinnota li filwaqt li l-għadd ta' attakki żdied fl-2017, f'dik is-sena nqatlu inqas persuni (63).

Aktar statistika dwar it-terroriżmu fl-Ewropa.

Ir-rwol tal-Istat Iżlamiku

Il-biċċa l-kbira tal-attakki ġiħadisti fl-UE sa mill-2015 saru jew ġew ispirati mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS).

Dan il-grupp ġiħadista beda jieħu l-kontroll ta' territorji fl-Iraq u s-Sirja fl-2014 u ddikjara l-ħolqien ta' "kalifat". Uħud mill-ikbar territorji okkupati kien fihom daqs il-Gran Brittanja.

Mis-sajf tal-2014, koalizzjoni internazzjonali li tinkludi diversi pajjiżi tal-UE wettqet azzjoni militari kontra l-IS fl-Iraq u s-Sirja.

F'Settembru 2014, mexxej anzjan tal-IS, Aby Muhammed Al-Adnani, appella lis-sostenituri tal-IS biex joqtlu lil "dawk li ma jemmnux" fil-pajjiżi tal-Punent. F'Mejju 2016, huwa talab lis-sostenituri tal-IS biex f'każ li ma jkunux jistgħu jingħaqdu mal-IS fl-Iraq u fis-Sirja, joqtlu lil dawk li ma jemmnux bi kwalunkwe mod disponibbli għalihom f'pajjiżhom.

L-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk fil-koalizzjoni kontra l-IS, huma meqjusa bħala miri leġittimi.

Min huma t-terroristi?

Fl-2018, l-Europol tirrapporta li l-attakki ġiħadisti twettqu primarjament minn terroristi li kibru u ġew radikalizzati f'pajjiżhom, mhux l-hekk imsejħa ġellieda barranin (individwi li vvjaġġaw barra mill-pajjiż biex jissieħbu fi grupp terroristiku).

Ir-radikalizzazzjoni ta' terroristi li trabbew fil-pajjiż żdiedet peress li l-hekk imsejħa lpup solitarji huma radikalizzati minn propoganda online, filwaqt li l-attakki tagħhom huma ispirati aktar milli ordnati mill-IS.

L-Europol tispjega li dawn it-terroristi mhux neċessarjament ikunu reliġjużi ħafna: jistgħu ma jaqrawx il-Koran jew ma jattendux il-moskea b'mod regolari u ħafna drabi jkollhom għarfien rudimentarju u frammentat tal-Iżlam.

Fl-2016, għadd sinifikanti ta' individwi rrappurtati lill-Europol minħabba terroriżmu kienu kriminali ta' livell baxx, u dan jissuġġerixxi li persuni bi storja kriminali jew soċjalizzati f'ambjent kriminali jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ.

L-Europol tikkonkludi li "r-reliġjon għalhekk ma tistax tkun l-ixprunatur primarju jew inizjali tal-proċess ta' radikalizzazzjoni, iżda sempliċiment toffri "tieqa ta' opportunità" biex tegħleb kwistjonijiet personali. Id-deċiżjoni li jwettqu attakk f'pajjiżhom jistgħu jipperċepixxuha bħala dik li se tittrasformahom minn "żero" għal "eroj"."

Tendenza fil-modus operendi

Sa mill-2015, l-attakki ġiħadisti twettqu minn atturi u gruppi solitarji.

Ħafna drabi l-ilpup solitarji użaw skieken u armi tan-nar. L-attakki tagħhom kienu aktar sempliċi u pjuttost mhux strutturati. Il-gruppi użaw azzarini awtomatiċi u splussivi f'attakki kumplessi u kkoordinati sew.

Kien hemm tendenza għat-terroristi ġiħadisti li jippreferu attakki kontra n-nies, milli bini jew miri istituzzjonali, b'tali mod li jiskattaw rispons emozzjonali mill-pubbliku.

It-terroristi ma jiddiskriminawx bejn Musulmani u mhux Musulmani u l-attakki mmiraw għal numru massimu ta' vittmi, bħal f'Londra, Pariġi, Nizza, Stokkolma, Manchester, Barċellona u Cambrils, fost oħrajn.

X'inhi d-definizzjoni ta' terroriżmu?

Id-definizzjoni legali komuni tal-Unjoni Ewropea ta' reati terroristiċi kif stabbilita fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tgħid li huma atti mwettqa bl-għan li:

  • jintimidaw b'mod serju lill-popolazzjoni, jew
  • b'mod illeċitu iġiegħlu lill-Gvern jew organizzazzjoni internazzjonali li jagħmlu jew jonqsu milli tagħmel xi att, jew
  • jidestabilizzaw jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta' pajjiz jew organizzazzjoni internazzjonali

Il-ġlieda tal-UE kontra t-terroriżmu

Ittieħdet azzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew biex jiżdied il-livell u l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Il-miżuri tal-UE biex jipprevjenu attakki ġodda huma wesgħin u eżawrjenti. Dawn huma mifruxa mit-tnaqqis tal-finanzjament tat-terroriżmu, l-indirizzar tal-kriminalità organizzata, u t-tisħiħ tal-kontrolli tal-fruntieri għar-radikalizzazzjoni u t-titjib tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar it-traċċar tas-suspettati u l-insegwiment tal-awturi tal-attakki.

Pereżempju, l-MEPs adottaw regoli ġodda biex jagħmlu l-użu tal-armi tan-nar u l-ħolqien ta' bombi magħmula d-dar aktar diffiċli għat-terroristi.

L-Europol, l-aġenzija tal-pulizija tal-UE għandha setgħat ġodda. Hi tista' tistabbilixxi unitajiet speċjalizzati aktar faċilment, bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu maħluq f'Jannar 2016. Tista' wkoll tiskambja informazzjoni ma' kumpaniji privati f'xi każijiet u titlob lill-midja soċjali biex tneħħi paġni ġestiti mill-IS.

F'Lulju 2017, il-Parlament Ewropew ħoloq kumitat speċjali dwar it-terroriżmu biex jevalwa kif jista' jiġi miġġieled aħjar it-terroriżmu fil-livell tal-UE. L-MEPs ipproduċew rapport b'miżuri konkreti li jixtiequ li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi fil-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Sib aktar spjegazzjonijiet dwar miżuri tal-UE kontra t-terroriżmu fl-infografika u l-filmati tagħna.