Regoli ġodda biex jiġu indirizzati t-terroriżmu u l-finanzjament kriminali 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Membri tal-PE saħħew il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità billi approvaw verifiki aktar stretti fuq il-flussi tal-flus, u regoli għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.

©AP Images/European Union-EP 

Regoli aktar stretti u aktar armonizzati kontra l-ħasil tal-flus

Skont l-estimi, kull sena jiġu ġġenerati EUR 110 biljun minn attivitajiet kriminali fl-UE (1% tal-PDG tal-UE). Ir-rikavat mill-kriminalità u l-ħasil tal-flus jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi.

Il-ħasil tal-flus huwa reat kriminali fl-istati membri kollha tal-UE, iżda d-definizzjonijiet u s-sanzjonijiet ivarjaw. Dawn id-differenzi jistgħu jiġu sfruttati mill-kriminali li jistgħu joperaw f'pajjiżi b'penali inqas ħorox. Ir-regoli l-ġodda kontra l-ħasil tal-flus se jarmonizzaw id-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet marbuta mal-ħasil tal-flus, inkluż ir-rikavat miċ-ċiberkriminalità, u jneħħi l-ostakli għall-kooperazzjoni transfruntiera ġudizzjarja u tal-pulizija.

Id-direttiva aġġornata "għandha l-għan li tnaqqas il-lakuni bejn ir-regoli nazzjonali li minnhom jibbenefikaw il-kriminali, u tipprovdi strument ġdid għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell Ewropew. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija kwistjoni Ewropea u dinjija li teħtieġ tweġiba soda. Issa qegħdin nipprovdu sett ta' għodod b'saħħithom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex inċaħħdu lill-kriminali mill-aktar beni importanti għalihom: il-flus", jispjega l-awtur tar-rapport, Ignazio Corrao (EFDD, l-Italja).

Verifiki tal-flus kontanti fil-fruntieri tal-UE

Il-Membri tal-PE approvaw ukoll aġġornamenti tar-regoli dwar flus trasferiti fil-fruntieri esterni tal-UE. Kull minn jivvjaġġa lejn jew mill-UE se jkun obbligat jiddikjara jekk ikunx qed iġorr aktar minn EUR 10 000.

Ir-regoli l-ġodda se jestendu wkoll id-definizzjoni ta' "flus" biex din tinkludi l-karti mħallsa minn qabel (prepaid cards) u l-komoditajiet likwidi ħafna, bħad-deheb. "Flus mhux akkumpanjati" mibgħuta bħala merkanzija jew f'pakkett se jkollhom jiġu dikjarati wkoll.

Ir-regoli l-ġodda se jtejbu wkoll l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u mal-pajjiżi terzi. Il-penali għal min jonqos milli jiżvela l-flus huma f'idejn l-Istati Membri, iżda jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

"Għandna...niżguraw li n-nies ix-xierqa jkollhom aċċess għad-data x-xierqa. F'dan ir-Regolament deher ċar ukoll li Unità tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIU) Ewropea tkun ta' valur miżjud importanti biex tiffaċilita l-ħidma investigattiva tal-FIUs fir-rigward ta' reati transnazzjonali", qalet il-korapporteur Mady Delvaux (S&D, il-Lussemburgu).

Taħt ċerti kundizzjonijiet, fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta' attività kriminali, l-awtoritajiet se jkollhom id-dritt li jsegwu l-movimenti tal-flus kontanti taħt il-livell limitu u jżommuhom temporanjament.

"Aġġornajna l-għodod li għandhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jittraċċaw aħjar il-flus fi tranżitu filwaqt li żgurajna li r-regoli jkunu proporzjonati u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini," qal il-korapporteurJuan Fernando López Aguilar (S&D, Spanja).

Iż-żewġ rapporti ġew adottati fis-sessjoni plenarja tat-12 ta' Settembru.