It-terroriżmu: Il-Membri tal-PE jipproponu miżura ġdida biex tiġi indirizzata t-theddida  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

© European Union-EP  

Il-Parlament jipproponi firxa ta' miżuri ġodda biex tiġi miġġielda t-theddida, mill-indirizzar tar-radikalizzazzjoni, sal-ittraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-għajnuna għall-vittmi

Il-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu ġie stabbilit f'Lulju 2017 u beda l-ħidma tiegħu f'Settembru 2017 biex jevalwa kif tista' tittejjeb il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew adottati mill-Membri tal-PE waqt il-plenarja ta' Diċembru fi Strasburgu fit-12 ta' Diċembru.


Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni


Minħabba n-natura internazzjonali tagħha, il-ġlieda kontra t-terroriżmu teħtieġ rispons koordinat b'saħħtu u skambju rapidu ta' informazzjoni min-naħa tal-pajjiżi tal-UE.


"Għad baqa' lakuni fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, lakuni tekniċi fl-interoperabbiltà," qalet il-Membru Ġermaniż tal-PPE Monika Hohlmeier, waħda mill-awturi tar-rapport. "Jekk irridu nsaħħu l-iskambju tal-informazzjoni, il-Europol u l-Eurojust jeħtieġ li jiġu msaħħa u jintużaw bħala ċentri ta' informazzjoni."


Il-Membru Belġjana tal-ECR Helga Stevens, waħda mill-awturi l-oħra tar-rapport, enfasizza il-kwistjoni tad-dekriptaġġ: "Id-dekriptaġġ furzat huwa diffiċli ħafna għall-Istati Membri iżgħar għaliex jeħtieġ ħafna riżorsi tekniċi u umani. Nipproponi li l-Europol tingħata l-awtorità tispeċjalizza fid-dekriptaġġ, sabiex tkun tista' tgħin lill-Istati Membri. Dan jagħti lill-prosekuturi u lill-pulizija aċċess għal messaġġi permezz ta' WhatsApp u Messenger, pereżempju. Bħalissa dan huwa pjuttost diffiċli, il-kumpaniji tal-midja soċjali jirrifjutaw li jagħtu aċċess lill-qrati."


Ħarsien aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE


Xi attakki terroristiċi reċenti wrew li f'għadd limitat ta' każijiet, it-terroristi abbużaw minn nuqqasijiet fil-politiki tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE u ta' diversi Stati Membri, li ma kinux imħejjij għal influss bil-massa. Ir-rapport iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE biex jinvestu f'tagħmir tal-ICT aġġornat biex ikunu jistgħu jsiru verifiki xierqa mad-databases, jenfasizza l-ħtieġa li tintuża data bijometrika u jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tad-databases.


Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni


Il-muturi ewlenin tar-radikalizzazzjoni jinkludu l-kontenut radikali fuq il-midja soċjali, il-kotba u l-midja awdjoviżiva, kif ukoll il-kuntatt ma' persuni radikalizzati, predikaturi tal-mibegħda u l-ħabsijiet. Ir-rapport jitlob leġiżlazzjoni li tisforza lill-kumpaniji jneħħu kontenut terroristiku online u jirrappurtaw b'mod regolari dwar dan it-tip ta' kontenut.


"Irridu niggarantixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki, kif insolvu l-integrazzjoni," qalet Hohlmeier.


Stevens enfasizzat il-ħtieġa ta' lista ta' predikaturi tal-mibegħda fl-UE kollha, għaliex bħalissa jistgħu joperaw mingħajr ma jinqabdu, b'mod partikolari jekk imorru jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE.

Il-finanzjament tat-terroriżmu


Sabiex jiġi indirizzat il-finanzjament tat-terroriżmu, ir-rapport jitlob ukoll traċċabilità aħjar tal-opri tal-arti u l-antikitajiet, speċjalment minn żoni ta' kunflitt, kif ukoll monitoraġġ aħjar tal-flussi finanzjarji. Dan għandu jinkludi l-identifikazzjoni tal-utenti ta' flejjes elettroniċi, kards imħallsa minn qabel, pjattaformi ta' finanzjament kollettiv u sistemi ta' pagament bil-mobile. Rekwiżit ieħor huwa li l-postijiet ta' qima u istituzzjonijiet oħra jsiru aktar trasparenti dwar il-finanzjament tagħhom u li jiġi pprojbit il-finanzjament minn pajjiżi mhux tal-UE li jopponu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.


"L-istituzzjonijiet reliġjużi kollha għandhom ikunu trasparenti u juru minn fejn ikun ġej il-finanzjament, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħmlu verifiki jekk ikun meħtieġ," qalet Stevens.


Miżuri oħrajn


Ir-rapport iħeġġeġ ukoll lill-pajjiżi tal-UE biex jipproteġu aħjar l-infrastruttura kritika, bħall-grids tal-elettriku jew tal-gass, u jiżviluppaw strateġiji effettivi ta' rispons. Jitlob ukoll li jkun hemm regoli aktar stretti kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u għall-prevenzjoni tax-xiri ta' kimiki għall-manifattura tal-isplussivi. Fl-2015 u l-2016 l-isplussivi ntużaw f'40% tal-attakki - l-iktar splużżiv komuni li ntuża kien it-TATP, li jista' jiġi mmanifatturat faċilment fid-djar.


Ir-rapport jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tressaq leġiżlazzjoni li tiċċara l-istatus tal-vittmi tat-terroriżmu, id-drittijiet tagħhom u l-livelli ta' kumpens.