Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-użu tal-internet u l-għadd ta' apparat konness ikomplu jiżdiedu hekk kif jiżdiedu wkoll it-theddidiet ċibernetiċi. Il-Parlament approva leġiżlazzjoni ġdida biex itejjeb is-sigurtà tiegħek.

Is-sigurtà ċibernetika 

L-attivitajiet taċ-ċiberkriminali qegħdin dejjem ikunu aktar kumplessi sofistikati. Nhar it-Tlieta, 12 ta' Marzu, il-Membri tal-PE vvotaw favur l-att dwar iċ-ċibersigurtà li għandu l-għan li jtejjeb ir-rispons Ewropew għaż-żieda fl-għadd ta' theddidiet ċibernetiċi billi jsaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u jistabbilixxi qafas komuni għaċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

Angelika Niebler, il-Membru tal-PE responsabbli għat-tmexxija tal-pjanijiet fil-Parlament, qalet li riedet tindirizza żewġ kwistjonijiet. "L-ewwel kwistjoni hija relatata maż-żieda fl-għadd ta' attakki fuq l-infrastruttura kritika tagħna, li jfisser fuq l-aspetti kollha tal-ħajja ta' kuljum tagħna – elettriku, komunikazzjoni, l-ilma, eċċ.", qalet il-membru Ġermaniża tal-Grupp PPE. "It-tieni kwistjoni hija relatata maż-żieda fl-għadd ta' apparati li jużaw l-internet tal-oġġetti u n-nuqqas ta' fiduċja tal-utenti fis-sikurezza u fil-privatezza tal-apparati tagħhom."

Skont dawn il-pjanijiet ENISA ser ikollha aktar persunal u fondi filwaqt li l-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà bejn il-pajjiżi tal-UE ser tiġi intensifikata. Ser ikun hemm ċertifikazzjoni standardizzata għal tagħmir tal-IT madwar l-Ewropa. Għall-bidu, iċ-ċertifikazzjoni ser tkun volontarja. Sal-2023 il-Kummissjoni Ewropea ser tevalwa kemm l-iskema għandha tkun obbligatorja.

Barra minn hekk, l-utenti tal-internet ser jibbenefikaw minn informazzjoni aħjar li jkunu jistgħu jużaw biex isaħħu s-sigurtà tagħhom. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru li ħareġ riċentement, 87 % tan-nies fl-UE jqisu ċ-ċiberkriminalità bħala sfida importanti għas-sigurtà interna tal-UE u l-maġġoranza jinsabu mħassba dwar li jisfaw vittmi. Permezz tar-regoli ġodda stabbiliti, l-utenti ser ikollhom rakkomandazzjonijiet dwar konfigurazzjonijiet siguri u manutenzjoni tal-apparati tagħhom, dwar id-disponibbiltà u tul tal-aġġornamenti u dwar il-vulnerabbiltajiet magħrufa.

"Iċ-ċiberattakk WannaCry tal-2017, li fl-istess waqt ipparalizza aktar minn 200,000 sistema tal-IT madwar l-UE, wera li huma meħtieġa inizjattivi Ewropej biex tiżdied iċ-ċibersigurtà," qalet Niebler. "Permezz tal-att dwar iċ-ċibersigurtà, issa ħloqna l-pedamenti għal dan. L-Ewropa dalwaqt ser tkun tista' ssir il-forza mexxejja fiċ-ċibersigurtà."