Filmat: 10,000 gwardja tal-fruntiera tal-UE għat-tisħiħ tal-fruntieri esterni 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex isaħħu s-sigurtà Ewropea, fis-17 ta' April il-Membri tal-PE vvutaw biex sal-2027 l-Aġenzija tal-UE għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tingħata korp permanenti ta' 10,000 gwardja.

"Għandek tkun ġust ma' dawk li jistħoqqilhom protezzjoni, iebes ma' dawk li jisfruttaw lil min hu vulnerabbli u sod ma' dawk li jippruvaw jiksru r-regoli," dan qalitu Roberta Metsola (PPE, Malta) qabel il-vot dwar il-miżuri l-ġodda biex tissaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.


Fil-fruntieri esterni tal-Ewropa kien hemm żieda mingħajr preċedent fin-numru ta' migranti u rifuġjati li xtaqu jidħlu f'dawn l-aħħar snin fl-UE. Bis-saħħa tal-proposti, l-aġenzija tal-UE tkun mgħammra b'korp permanenti ta' 10,000 gwardja tal-fruntiera sal-2027 u r-ritorni ta' ċittadini mhux tal-UE mingħajr id-dritt ta' soġġorn isiru b'mod aktar effiċjenti. Il-korp permanenti jkun jikkonsisti minn membri tal-persunal impjegati mill-aġenzija kif ukoll minn persunal issekondat fuq bażi obbligatorja mill-pajjiżi tal-UE.

Rollout of EU Border and Coast Guard operational staff from 2021 to 2027 

Il-bidliet għandhom l-għan li jimmaniġġjaw aħjar il-migrazzjoni, jiżguraw li l-Ewropa tkun kapaċi tpoġġi fis-sigurtà l-fruntieri esterni tagħha b'mod effikaċi u joffru livell għoli ta' sigurtà fi ħdan l-Unjoni. Il-korp permanenti l-ġdid ikun jista', fuq talba ta' pajjiż tal-UE, jagħmel kontrolli fil-fruntieri u ġestjoni tal-migrazzjoni kif ukoll jiġġieled kontra l-kriminalità transfruntiera. F'każ ta' emerġenza, il-pajjiżi se jkunu jistgħu jitolbu l-assistenza tar-riżerva ta' reazzjoni rapida.


Ir-regoli l-ġodda għad iridu jiġu approvati mill-Istati Membri. Il-korp permanenti l-ġdid se jkun disponibbli biex ikun stazzjonat mill-2021.