Schengen: gwida għaż-żona Ewropea mingħajr fruntieri 

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Karozzi jistennew li jgħaddu minn kontroll mal-fruntiera  

Iż-żona tal-UE li tippermetti vjaġġar mingħajr passaport, magħrufa bħala ż-żona Schengen, hija waħda mill-aktar kisbiet tanġibbli tal-integrazzjoni Ewropea. Tgħallem dwarha fil-gwida tagħna.

X'inhi ż-żona Schengen?

Iż-żona Schengen hija waħda mill-pilastri tal-proġett Ewropew. Mindu nħolqot fl-1995, meta tneħħew il-kontrolli tal-passaporti f'din iż-żona, iċ-ċittadini tal-UE jgawdu mid-dritt għal-libertà ta' moviment. Dan ifisser li jistgħu jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jirtiraw fi kwalunkwe post fl-UE. It-turisti u n-negozji wkoll jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet.

Il-pajjiżi taż-żona Schengen

Iż-żona Schengen tinkludi 26 pajjiż: 22 mill-UE u erbgħa minn barra: l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

Il-pajjiżi kollha tal-UE huma parti minn Schengen, minbarra sitta: L-Irlanda u r-Renju Unit, li għażlu l-esklużjoni fakultattiva u joperaw iż-żona komuni għall-ivvjaġġar tagħhom stess; kif ukoll il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, li f'xi punt fil-futur huwa previst li jingħaqdu maż-żona Schengen.

L-iskop u l-benefiċċji

Sa 3.5miljun ruħ jivvjaġġaw kuljum minn fruntiera interna għal oħra tal-UE. Il-moviment liberu fil-prattika jista' jinvolvi drittijiet differenti għal kategoriji differenti ta' nies, minn turisti sa familji.

Iċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu joqogħdu f'pajjiż ieħor tal-UE bħala turist għal massimu ta' tliet xhur b'passaport jew karta tal-identità valida. Huma jistgħu wkoll jgħixu fi Stat Membru ieħor għal xogħol, u għandhom id-dritt li jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż. L-intraprendituri jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u l-istudenti għandhom id-dritt li jistudjaw fi kwalunkwe post fl-UE.

L-għeluq tal-fruntieri interni tal-UE jaf iwassal għal spiża stmata ta' bejn EUR 100 biljun u EUR 230 biljun fuq perjodu ta' 10 snin u jimpedixxi l-ivvjaġġar transfruntier għal 1.7 miljun persuna.

Mappa taż-żona Schengen  

L-iżgurar tas-sigurtà

Ir-regoli ta' Schengen jabolixxu l-kontrolli mal-fruntieri interni, filwaqt li jarmonizzaw u jsaħħu l-protezzjoni tal-fruntieri esterni taż-żona. La darba jidħlu fiż-żona Schengen, in-nies jistgħu jivvjaġġaw minn pajjiż għal ieħor mingħajr ma jkunu soġġetti għal verifiki mal-fruntieri. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiċċekkjaw lin-nies mal-fruntieri interni jew qrib tagħhom jekk l-informazzjoni u l-esperjenza tal-pulizija jiġġustifikaw żieda temporanja fis-sorveljanza.

Schengen jinkludi wkoll politika komuni dwar il-viża għal żjarat qosra minn ċittadini mhux tal-UE u jgħin lill-Istati parteċipanti jingħaqdu fil-ġlieda kontra l-kriminalità bl-għajnuna tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja.

Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen qed tiġi msaħħa biex tipprovdi aktar sigurtà lill-Ewropej. Skopri t-titjib fl-infografika tagħna.

Iż-żona Schengen hija waħda mill-pilastri tal-proġett Ewropew ©AP Images/European Union-EP  

Il-fruntieri esterni u interni

Il-funzjonament tar-regoli ta' Schengen intlaqat miż-żieda fil-flussi tal-migrazzjoni lejn l-UE fl-2015 u minn tħassib akbar f'dak li jikkonċerna s-sigurtà, inkluż attivitajiet terroristiċi u ta' kriminalità transfruntiera serji, li wasslu għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli mal-fruntieri min-naħa ta' bosta Stati Membri.

F'rapport adottat fit-30 ta' Mejju 2018, il-Parlament ikkritika l-insistenza li jkomplu jsiru l-kontrolli mal-fruntieri interni fiż-żona Schengen. F'dawn l-aħħar tliet snin kien hemm fis-seħħ kontrolli temporanji mal-fruntieri interni fi ħdan iż-żona Schengen. Il-Membri tal-PE qed jinsistu biex il-kundizzjonijiet għall-kontrolli jkunu aktar ċari u biex dawn jitqiesu bħala miżura aħħarija.

L-isfidi u r-reazzjonijiet tal-UE

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni huma sfida għall-Ewropa. Fl-2015 ġew individwati 1.83 miljun qsim illegali fil-fruntieri esterni tal-UE. Għalkemm din iċ-ċifra naqset għal 150 114 fl-2018, l-UE tipprova ssaħħaħ il-kontrolli mal-fruntieri esterni tagħha u tittratta b'mod aktar effiċjenti l-applikazzjonijiet għall-ażil.

Dawn l-isfidi qanqlu żviluppi konsiderevoli fil-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri. Dan jinkludi pereżempju l-ħolqien ta' strumenti u aġenziji bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), jew sistema ġdida ta' reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ mal-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

Fil-futur, il-vjaġġaturi li m'għandhomx bżonn viża se jiġu skrinjati qabel ma jaslu fl-UE bl-użu tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bil-għan li jinqabdu l-kriminali, it-terroristi jew kwalunkwe persuna oħra li tikkostitwixxi riskju qabel ma jaslu fl-UE. Dawn il-kontrolli jaf jibdew mill-2021.


Barra minn hekk, il-Membri tal-PE approvaw pjanijiet biex, sal-2027, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tkun ingħatat korp permanenti ta' 10 000 gwardja tal-fruntiera bil-għan li tingħata spinta lis-sigurtà tal-Ewropa.

Kontenut relatat: