Id-difiża: l-UE qed toħloq armata Ewropea?  

 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Ritratt mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża  

Filwaqt li m'hemm ebda armata tal-UE u d-difiża tibqa' kwistjoni esklużiva tal-Istati Membri, reċentement l-UE ħadet passi kbar biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża

Mill-2016, kien hemm progress sinifikanti fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-UE b'diversi inizjattivi konkreti tal-UE biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni u tissaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi ruħha. Aqra l-ħarsa ġenerali tal-aħħar żviluppi.

Aspettattivi għoljin għad-difiża tal-UE

L-Ewropej jistennew li l-UE tiggarantixxi s-sigurtà u l-paċi. Skont Ewrobarometru speċjali dwar is-sigurtà u d-difiża fl-2017, tliet kwarti (75 %) tal-Ewropej huma favur politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE filwaqt li l-maġġoranza (55 %) kienu favur li tinħoloq armata tal-UE. Aktar reċenti, 68 % tal-Ewropej qalu li jixtiequ li l-UE tagħmel aktar dwar id-difiża (stħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Marzu 2018).

Il-mexxejja tal-UE jirrealizzaw li l-ebda pajjiż tal-UE ma jista' jindirizza t-theddid attwali għas-sigurtà f'iżolament. Pereżempju, il-President Franċiż Macron talab għal proġett militari konġunt Ewropew fl-2017, filwaqt li l-Kanċillier Ġermaniż Merkel, fid-diskors tagħha lill-Parlament Ewropew f'Novembru 2018, qalet li "għandna naħdmu fuq il-viżjoni li jum minnhom tiġi stabbilita armata Ewropea xierqa". Il-mixja lejn unjoni tas-sigurtà u tad-difiża kienet waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker.

Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jixtiequ li l-UE tagħmel aktar biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża  

Miżuri reċenti tal-UE biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża

It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi għal politika ta' difiża komuni tal-UE (l-Artikolu 42(2) tat-TUE). Madankollu, it-trattat jiddikjara b'mod ċar ukoll l-importanza tal-politika ta' difiża nazzjonali, inkluż is-sħubija fin-NATO jew in-newtralità.

Fis-snin reċenti, l-UE għadha kemm bdiet timplimenta inizjattivi ambizzjużi biex tipprovdi aktar riżorsi, tistimula l-effiċjenza, tiffaċilita l-kooperazzjoni u tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet:

  • Il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) tnediet f'Diċembru 2017, u sa Ġunju 2019 kienu qed jipparteċipaw 25 pajjiż tal-UE. Bħalissa topera abbażi ta' 34 proġett konkret b'impenji vinkolanti inklużi Kmand Mediku Ewropew, Sistema ta' Sorveljanza Marittima, assistenza reċiproka għaċ-ċibersigurtà u t-timijiet ta' rispons rapidu, u skola ta' intelligence konġunta tal-UE.
  • Il-Fond Ewropew għad-Difiża (FED) tnieda f'Ġunju 2017. Din hija l-ewwel darba li l-baġit tal-UE qed jintuża għal finanzjament konġunt tal-kooperazzjoni għad-difiża u l-fond ser jagħmel parti mill-baġit fit-tul li jmiss tal-UE (2021-2027). L-EDF se jikkomplementa l-investimenti nazzjonali u jipprovdi kemm inċentivi prattiċi kif ukoll finanzjarji għar-riċerka kollaborattiva, l-iżvilupp konġunt u l-akkwist ta' tagħmir u ta' teknoloġija tad-difiża.
  • L-UE saħħet il-kooperazzjoni man-Nato f'74 qasam inklużi ċ-ċibersigurtà, l-eżerċizzji konġunti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
  • Pjan biex tiġi ffaċilitata l-mobilità militari fi ħdan u madwar l-UE sabiex ikun possibbli li l-persunal militari u t-tagħmir jaġixxu b'mod aktar mgħaġġel bħala reazzjoni għall-kriżijiet.
  • Il-finanzjament ta' operazzjonijiet u missjonijiet ċivili u militari jsir aktar effettiv. Bħalissa l-UE għandha 16-il missjoni bħal dawn mifruxin fuq tliet kontinenti, b'firxa wiesgħa ta' mandati u bi skjerament ta' aktar minn 6 000 membru tal-persunal ċivili u militari.
  • Minn Ġunju 2017 hemm struttura ġdida ta' kmand u kontroll (MPCC) biex ittejjeb il-ġestjoni ta' kriżi tal-UE.

Aktar nfiq, nfiq aħjar, nfiq flimkien

Fis-Summit tan-NATO f'Wales fl-2014, il-pajjiżi tal-UE li huma membri tan-NATO impenjaw ruħhom li jonfqu 2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tagħhom fuq id-difiża sal-2024. Il-Parlament Ewropew qed jitlob lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenn.


L-istimi tan-NATO tal-2018 juru li sitt pajjiżi biss (il-Greċja, l-Estonja, ir-Renju Unit, il-Latvja, il-Polonja u l-Litwanja) nefqu 2 % tal-PDG tagħhom fuq id-difiża.

Madankollu, il-bini tad-difiża tal-UE mhuwiex biss dwar aktar nfiq, iżda wkoll dwar nfiq b'mod effiċjenti. Kollettivament, il-pajjiżi tal-UE huma t-tieni l-akbar investitur tad-difiża fid-dinja wara l-Istati Uniti iżda madwar EUR 26,4 biljun jinħlew kull sena minħabba d-duplikazzjoni, il-kapaċità żejda u l-ostakli għall-akkwist. B'riżultat ta' dan, fl-Ewropa jintużaw sistemi ta' difiża li huma aktar minn sitt darbiet aktar milli fl-Istati Uniti. Dan huwa fejn l-UE tista' tipprovdi l-kundizzjonijiet biex il-pajjiżi jikkollaboraw aktar.

Jekk l-Ewropa trid tikkompeti mad-dinja kollha, se jkollha bżonn tiġbor flimkien u tintegra l-aħjar kapaċitajiet tagħha peress li huwa stmat li sal-2025 iċ-Ċina se ssir it-tieni l-akbar investitur tad-difiża fid-dinja wara l-Istati Uniti.

Infografika: Il-benefiċċji ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar id-difiża  

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew talab ripetutament biex jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona biex jaħdmu favur unjoni Ewropea tad-difiża. Hu jappoġġa b'mod konsistenti aktar kooperazzjoni, aktar investiment u ġbir ta' riżorsi biex jinħolqu sinerġiji fil-livell tal-UE sabiex l-Ewropej ikunu protetti aħjar.

L-isfidi involuti

Minbarra l-isfidi prattiċi, l-UE teħtieġ li tirrikonċilja tradizzjonijiet differenti u kulturi strateġiċi differenti. Il-Parlament jemmen li white paper tal-UE dwar id-difiża tkun mod utli biex tagħmel dan u tirfed l-iżvilupp ta' politika tad-difiża futura tal-UE.