Ir-raġuni għalfejn il-MPE jridu projbizzjoni globali fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

L-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali huwa diġà pprojbit fl-UE u issa l-MPE jridu li l-projbizzjoni tiġi estiża għall-bqija tad-dinja.

Ir-raġuni għalfejn il-MPE jridu projbizzjoni globali fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

Il-projbizzjoni tal-UE fuq l-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi fuq l-annimali

 

L-ittestjar ta' prodotti kożmetiċi lesti fuq l-annimali ilu pprojbit fl-UE sa mill-2004, u ta' ingredjenti kożmetiċi sa minn Marzu 2009.  Barra minn hekk, il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti kożmetiċi fl-UE li fihom ingredjenti li ġew ittestjati fuq l-annimali ilha illegali sa mill-2009.

 

Dawn il-projbizzjonijiet għamlu ħafna biex isaħħu l-benessri tal-annimali permezz tal-influwenza ekonomika tal-UE. L-Ewropa hija l-akbar suq għall-prodotti kożmetiċi fid-dinja u s-settur tal-kożmetiċi Ewropew jipprovdi madwar żewġ miljun impjieg. Il-konsumaturi jużaw mill-inqas seba' prodotti kożmetiċi differenti kuljum, bħas-sapun, xampù, make-up u fwejjaħ. Ir-regoli tal-UE jiżguraw li dawn il-prodotti li jiġu f'kuntatt ma' ġisimna jkunu sikuri għal saħħitna, iżda mhux għad-detriment tal-benessri tal-annimali.

 

Sejħa għall-projbizzjoni globali

 

Minkejja li l-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali u l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti huma pprojbiti mill-UE, xorta għadhom permessi f'madwar 80 % tal-pajjiżi madwar id-dinja. 

 

Fit-3 ta' Mejju, il-MPE adottaw riżoluzzjoni li titlob projbizzjoni globali fuq l-ittestjar tal-prodotti kożmetiċi fuq l-annimali kif ukoll fuq il-kummerċ ta' ingredjenti kożmetiċi ttestjati fuq l-annimali qabel l-2023. Huma se jivvutaw dwar din ir-riżoluzzjoni l-jum ta' wara.

 

Din ir-riżoluzzjoni tappella lill-UE biex tappoġġa l-projbizzjoni globali fi ħdan il-qafas tan-NU u biex tiżgura li l-projbizzjoni tagħha tal-ittestjar ma tiddgħajjifx minn negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa jew mir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.     

 

Il-Membru Malti tal-S&D Miriam Dalli, koawtur tar-riżoluzzjoni, sejħet l-appell bħala sinjal qawwi li l-ittestjar tal-kożmetiċi fuq l-annimali f'pajjiżi oħra ma jistax jibqa' jiġi ġġustifikat: "Nemmen li l-UE diġà wriet li projbizzjoni tista' taħdem u dan huwa ż-żmien biex verament naġixxu."

 

Ir-riżoluzzjoni tgħid ukoll li l-projbizzjoni tal-UE ma pperikolatx l-iżvilupp tas-settur u tirreferi għall-potenzjal għall-innovazzjoni u r-riċerka biex jiġu żviluppati metodi alternattivi b'effetti li jmorru lil hinn mill-industrija tal-kożmetiċi.

 

Benessri tal-annimali: prijorità għall-Ewropej

 

L-Ewropej għandhom għal qalbhom ħafna l-benessri tal-annimali. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru fl-2016, 90 % tal-persuni fl-UE jaqblu li huwa importanti li jiġu stabbiliti standards għoljin tal-benessri tal-annimali li huma rikonoxxuti madwar id-dinja, filwaqt li 89 % jgħidu li l-UE għandha tagħmel aktar biex tippromwovi sensibilizzazzjoni akbar tal-importanza tal-benessri tal-annimali internazzjonalment.