Statistika ta' fatalitajiet fit-toroq tal-UE (infografika)

L-UE għandha rekord tajjeb ħafna fis-sikurezza fit-toroq, iżda liema pajjiżi huma l-aktar sikuri? Skopri ċ-ċifri tal-UE dwar il-fatalitajiet fit-toroq skont il-pajjiż, l-età, is-sess u aktar

Kull sena eluf ta' persuni jitilfu ħajjithom jew iweġġgħu serjament f'inċidenti fit-toroq tal-UE. Bejn l-2010 u l-2020, l-għadd ta' mwiet fit-toroq naqas b'36%. Meta mqabbla mal-2019, meta kien hemm 22,800 fatalità, fl-2020 4,000 persuna inqas tilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE.

Iċ-ċifri preliminari juru li 18-il pajjiż tal-UE rreġistraw l-inqas għadd ta' fatalitajiet li qatt kien hemm.

L-Iżvezja għad għandha l-aktar toroq sikuri (18-il fatalità għal kull 1 miljun abitant) filwaqt li r-Rumanija rrapportat l-ogħla rata fl-2020 (85/miljun). Il-medja tal-UE kienet ta' 42/miljun, meta mqabbla mal-medja dinjija ta' aktar minn 180.

L-impatt ta' livell aktar baxx ta' traffiku kkawżat mill-pandemija huwa ċar, għalkemm diffiċli li jitkejjel.

Infographic with statistics on road fatalities in the EU in 2019
MT Road Safety.jpg

Fl-2018, 12% tan-nies maqtula fit-toroq tal-UE kellhom bejn 18 u 24 sena, filwaqt li 8% biss tal-popolazzjoni Ewropea taqa' f'dan il-grupp ta' età. Dan ifisser li ż-żgħażagħ huma sproporzjonalment aktar probabbli li jkunu involuti f'inċident fatali tat-triq. Madankollu, il-fatalitajiet fost dan il-grupp ta' età naqsu bi 43% mill-2010.

Il-proporzjon ta' fatalitajiet fost l-anzjani (ta' 65 sena jew aktar) żdied minn 22% fl-2010 għal 28% fl-2018. It-tfal taħt il-15-il sena jammontaw għal 2%.

Tliet kwarti (76%) tal-imwiet fit-toroq fl-UE kollha kienu rġiel, xejra relattivament mhux mibdula sa mill-2010 u simili fil-pajjiżi kollha tal-UE.

X'qed tagħmel l-UE biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq?

F'Lulju 2021, il-Membri tal-PE mill-Kumitat għall-Ħarsien tal-Konsumatur approvaw regoli tal-assigurazzjoni tal-veapprovaw regoli tal-assigurazzjoni tal-vetturi li jipproteġu aħjar lill-vittmi tal-inċidenti fit-toroqtturi li jipproteġu aħjar lill-vittmi tal-inċidenti fit-toroq madwar l-UE. Ir-regolamenti l-ġodda għad iridu jiġu approvati f'votazzjoni plenarja mill-Parlament kollu, u wara dan il-pajjiżi tal-UE se jkollhom sentejn biex jimplimentawhom.

Fix-xhur li ġejjin, il-Membri tal-PE huma mistennija wkoll li jivvutaw fuq ir-riżoluzzjoni dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq, li fiha jistabbilixxu l-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħaq l-għan li ma jkunx hemm imwiet fit-toroq Ewropej sal-2050. Dawn jinkludu limiti ta' veloċità sikura (30 km/h f'żoni residenzjali), tolleranza żero għas-sewqan taħt l-effett tax-xorb u karatteristiċi ta' sikurezza akbar fl-infrastruttura u fil-vetturi. Dan huwa b'reazzjoni għall-qafas ta' politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030 tal-Kummissjoni Ewropea - Il-passi li jmiss lejn "Viżjoni Żero".

Fis-16 ta' April 2019, il-Membri tal-PE adottaw regoli ġodda biex isiru obbligatorji 30 karatteristika avvanzata ta' sikurezza, bħal assistenza intelliġenti tal-veloċità, twissija tad-distrazzjoni tas-sewwieq u sistema ta' bbrejkjar ta' emerġenza.

It-teknoloġiji obbligatorji tas-sikurezza jistgħu jgħinu biex isalvaw aktar minn 25,000 persuna u jevitaw mill-inqas 140,000 korriment serju sal-2038, meta jitqies li l-iżbalji umani huma involuti f'madwar 95% tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq.

Biex it-toroq isiru aktar sikuri, l-UE qed issaħħaħ ukoll ir-regoli dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura u qed taħdem biex tiżgura regoli komuni għall-vetturi mingħajr sewwieqa.