Drittijiet aktar b’saħħithom għall-azzjonisti f’kumpaniji Ewropej 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Nhar it-Tlieta li għadda l-Parlament Ewropew approva miżuri ġodda li jinkoraġġixxu lill-azjendi kbar Ewropej biex jiffokaw fuq il-prestazzjoni tagħhom fit-terminu twil, billi jrawwmu l-impenn tal-azzjonisti tagħhom lejhom. Dawn il-miżuri jagħtu s-setgħa lill-azzjonisti li jiddeċiedu fuq is-salarju tad-diretturi u jagħmluha aktar faċli għall-azjendi li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom.

Ir-rapporteur Sergio Gaetano Cofferati (S&D, IT) qal: “Dan il-qbil fuq id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti approvat illum mill-plenarja tal-Parlament Ewropew huwa ferm pożittiv. Il-miżuri li ntlaħaq qbil dwarhom se jgħinu biex jixprunaw investimenti lejn approċċ orjentat lejn terminu itwal u se jiżguraw aktar trasparenza għal kumpaniji kkwotati u għal investituri.”


L-azzjonisti b’“vuċi li jiddeċiedu fuq is-salarji”


Dawn il-miżuri, li ntlaħaq qbil informali dwarhom min-negozjaturi tal-Parlament u tal-Kunsill f’Diċembru 2016, se jagħtu s-setgħa lill-azzjonisti li jivvutaw dwar il-politika tal-kumpanija dwar is-salarji tad-diretturi tagħha, b’hekk dawn is-salarji se jkunu marbuta aktar mill-qrib mal-prestazzjoni tal-kumpanija u mal-interessi tagħha fuq terminu twil.


Ir-regoli l-ġodda se jippermettu wkoll lill-kumpaniji jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom b’mod aktar faċli u b’hekk jiġi ffaċilitat id-djalogu bejniethom, kif ukoll jagħmluha aktar faċli għall-azzjonisti li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvutaw f’laqgħat ġenerali.


Barra minn hekk, ċerti tranżazzjonijiet li potenzjalment huma ta’ preġudizzju se jkollhom jiġu divulgati lill-pubbliku u approvati permezz ta’ proċeduri li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi tal-kumpaniji u tal-azzjonisti tagħhom.


Rekwiżiti ta’ trasparenza ġodda


Ir-regoli jintroduċu rekwiżiti ta’ trasparenza ġodda għall-investituri istituzzjonali, bħal pereżempju fondi ta’ skemi tal-pensjonijiet u kumpaniji tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja, u amministraturi tal-beni, li ħafna drabi huma azzjonisti importanti f’kumpaniji kkwotati fl-UE. Investituri istituzzjonali u amministraturi tal-beni se jiġu mitluba jiddivilgaw lill-pubbliku politika li tiddeskrivi kif huma jintegraw il-parteċipazzjoni tal-azzjonisti fl-istrateġiji ta’ investiment tagħhom jew jispjega għalfejn huma ma għażlux li jagħmlu dan.


Barra minn hekk, konsulenti delegati li jagħmlu riċerka u jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom dwar kif għandhom jivvutaw f’laqgħat ġenerali, se jkollhom jiddivulgaw informazzjoni fundamentali, pereżempju, is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni u l-metodoloġiji użati relatati mal-konsulenza li huma pprovdew.


Is-Sur Cofferati ssottolinja wkoll li “grazzi għall-isforzi tal-Parlament fuq din id-direttiva, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll proposta leġiżlattiva speċifika dwar ir-rapportar pajjiż b’pajjiż minn azjendi multinazzjonali dwar materji ta’ taxxa, li jeħtieġ li tiġi approvata mill-aktar fis.”


Passi li jmiss


L-abbozz ta' liġi għad irid jiġi approvat formalment mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE.


L-Istati Membri se jkollhom 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva sabiex jittrasponu dawn ir-regoli l-ġodda.