"Europe & Me" rebbieħ tal-Premju Karlumanju għaż-Żgħażagħ Ewropej 2011 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

"Europe & Me", lifestyle magazine mir-Renju Unit ibbażat fuq l-internet u mmirat għaż-żgħażagħ, rebaħ il-Premju Karlumanju għaż-żgħażagħ Ewropej 2011 fil-31 ta' Mejju. It-tieni premju ntrebaħ minn "Balkans Beyond Borders", film qasir mill-Greċja, u t-tielet premju ntrebaħ minn "Escena Erasmus Project" (Spanja), programm ta' skambju kulturali għall-istudenti tal-Erasmus. Dan il-premju jingħata kull sena lil proġetti li jsostnu sens ta' identità Ewropea u ta' integrazzjoni bejn iż-żgħażagħ.

L-ewwel premju ngħata mill-President tal-PE Jerzy Buzek, it-tieni mill-kap tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Democratiċi fil-PE Martin Schulz u t-tielet mis-Sindku ta' Aachen Marcel Philip.


Renju Unit - "Europe and Me"


Il-President tal-PE Jerzy Buzek qal: "Il-proġett li għażilna kien oriġinali ħafna. Jekk iżżuru l-websajt tiegħu tintebħu x'qed ngħid. Issibu quddiemkom "ir-raġel" u "l-mara" Ewropej ideali diviżi f'ħames partijiet differenti: il-moħħ, il-qalb, id-dijaframma, it-tarbija u s-saqajn - u kull parti tirrappreżenta idea differenti ta' xi tfisser li "tkun Ewropew".


Europe & Me huwa lifestyle magazine fuq l-internet li nħoloq minn żgħażagħ Ewropej għal żgħażagħ Ewropej fl-2007. Il-motto tas-sit huwa "make Europe personal", minħabba li ħafna drabi l-Ewropa hija assoċjata biss mal-politika u l-burokrazija. Illum, Europe & Me toffri pjattaforma li tagħti lok lil individwi li jieħdu l-inizzjattiva, jiżviluppaw lilhom infushom u jsibu nies li jaħsbuha bħalhom.


"Naħseb li l-messaġġ prinċipali ta' dan il-proġett huwa li l-Ewropa, hija, tista' tkun, u għandha tkun "cool". Din il-kelma stess - "cool" - qed issir dejjed iżjed popolari fil-politika llum," żied jgħid Buzek.


Greċja - "Balkans Beyond Borders"


Fid-diskors tiegħu dwar il-proġett li ġie t-tieni, l-MEP Ġermaniż u mexxej tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew Martin Schulz qal: "Balkans Beyond Borders huwa intiż li jegħleb il-fruntieri billi jaħdem films u jqajjem kuxjenza dwar dak li għandhom x'jirbħu l-pajjiżi Balkani kollha permezz tal-koperazzjoni reġjonali. Balkans Beyond Borders għandu sebgħu fuq il-polz taż-żminijiet bit-tema ta' din is-sena dwar il-kriżi".


Spanja - "Escena Erasmus Project"


Fl-aħħarnett, it-tielet premju mar għall-proġett "Escena Erasmus Project" (Spanja). Imniedi fl-2009, dan kien proġett Ewropew pijunier immirat l-aktar lejn l-istudenti tal-Erasmus billi jinkoraġġixxi skambju kulturali u lingwistiku. Il-proġett intiż sabiex isir "xibka" teatrali li jippromwovi skambju bejn kumpaniji teatrali fl-Ewropa. Filwaqt li ppreżenta t-tielet premju, is-sindku ta' Aachen Marcel Philipp, qal li "l-kultura hija dik li żżomm l-Ewropa magħquda fil-ġewwieni tagħha," u żied li l-kultura hija ħaġa waħda mal-edukazzjoni.


Il-Premju


It-tliet proġetti rebbieħa se jirċievu fondi ta' €5,000, €3,000, u €2,000 rispettivament. Rappreżentanti minn kull proġett se jkunu mistiedna wkoll iżuru l-Parlament Ewropew fix-xhur li ġejjin.


Rappreżentanti mis-27 proġett ġew mistiedna għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet fil-31 ta' Mejju f'Aachen.


Organizzaw iċ-ċerimonja flimkien il-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlimanju, filwaqt li l-istess ċerimonja saret fl-Università ta' Aachen.


Diskorsi tal-ftuħ saru mill-President tal-PE Jerzy Buzek, minn Michael Jansen, chairman tal-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Premju Karlimanju, u mir-Rettur tal-Università ta' Aachen Ernst Schmachtenberg.


Materjal Awdjoviżiv miċ-ċerimonja jista' jingħata lill-midja interessata.

Kuntatti: