Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Jitnieda l-Premju Karlu Manju għaż-Żagħżagħ 2013

Perspettivi - Istituzzjonijiet − Malta − 17-10-2012 - 17:40
 

Il-proċedura ta' selezzjoni għall-Premju Ewropew Karlu Manju għaż-Żgħażagħ tnediet illum. Il-premju jippremja żgħażagħ involuti fi proġetti għall-promozzjoni tal-ftehim bejn nies minn pajjiżi Ewropej differenti. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni ta' proġetti għall-premju tas-sena d-dieħla, is-sitt sena minn meta nħoloq fl-2008, hi t-28 ta' Jannar 2013.


Il-Premju Karlu Manju għaż-Żagħżagħ, li huwa organizzat mill-Parlament Ewropew u l-Fondazzjoni għall-Premju Internazzjonali Karlu Manju ta' Aachen, jippremja  proġetti minn persuni bejn is-16 u t-30 sena. Il-proġetti rebbieħa għandhom iservu bħala eżempji għaż-żgħażagħ li jgħixu fl-Ewropa u joffru eżempji prattiċi ta' Ewropej li jgħixu flimkien bħala komunità waħda. Programmi ta' skambji għaż-żgħażagħ, proġetti artistiċi u proġetti fuq l-Internet b'dimensjoni Ewropea huma fost il-proġetti magħżula.


Waqt li nieda l-edizzjoni 2013 tal-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ, il-President Schulz qal "Il-Premju Karlu Manju għaż-Żgħażagħ huwa l-opportunità tagħkom biex tippreżentaw l-idea tagħkom tal-Ewropa - biex tikkontribwixxu għall-integrazzjoni Ewropea...Agħtu sehemkom fit-tfassil tal-Ewropa kif tridu intom!".


Premju ta' €10,000


It-tliet proġetti rebbieħa ser jingħataw finanzjament ta' €5,000, €3,000 u €2,000 rispettivament. Ser ikunu mistiedna wkoll biex iżuru l-Parlament Ewropew fil-ħarifa.


Ir-rappreżentanti tal-proġetti rebbieħa nazzjonali mhux biss ser ikunu mistiedna jipparteċipaw fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju għaz-Żgħażagħ f'Mejju 2013, iżda ser ukoll jattendu jumejn wara għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Internazzjonali Karlu Manju tal-Belt ta' Aachen waqt iż-żjara tagħhom ta' erbat ijiem f'Aachen.


Rebbieħa 2012


Fl-2012, Europe on the Ground, proġett Grieg dwar il-midja għaż-żgħażagħ, rebaħ l-ewwel premju. It-tieni premju ngħata lil Europe Meets School, programm ta' skambju għal studenti tal-Erasmus (Repubblika Ċeka) u r-rebbieħ tat-tielet premju kien il-proġett Cycle Me Home, film-vjaġġ f'forma ta' dokumentarju (Ungerija).


Skeda ta' żmien:


  • Titnieda l-kompetizzjoni u l-applikazzjoni onlajn: 11 ta' Ottubru 2012.

  • Data tal-għeluq għall-applikazzjoni: 28 ta' Jannar 2013.

  • Selezzjoni tas-27 proġett minn ġuriji nazzjonali: sad-9 ta' Marzu 2013.

  • Selezzjoni tat-3 proġetti rebbieħa minn ġurija Ewropea: 25 ta' April 2013.

  • Ċerimonja tal-għoti tal-Premju f' Aachen: 7 ta' Mejju 2013.

Ref. : 20121011IPR53475
 
 
Contact