Tabakk: twissijiet akbar, ebda togħmiet, regolazzjoni ta' sigaretti elettroniċi 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Biex is-sigaretti jkunu inqas attraenti għaż-żgħażagħ, l-MEPs iridu jipprojbixxu t-togħmiet artifiċjali u l-pakketti ż-żgħar- ©BELGA/BELPRESS/P.Turpin  

Abbozz ta' liġi biex il-prodotti tat-tabakk ikunu inqas attraenti għaż-żgħażagħ ġie adottat mill-Parlament nhar it-Tlieta. Il-pakketti kollha għandu jkollhom twissija dwar is-saħħa li tkopri 65% tal-pakkett. Togħmiet tal-frott u tal-menthol, u pakketti żgħar għandhom jiġu pprojbiti u sigaretti elettroniċi għandhom ikunu rregolati bħal prodotti mediċinali jekk jintqal li jgħinu fil-fejqan jew fil-prevenzjoni, jgħid it-test li ġie approvat b'590 vot favur, 92 kontra u 32 astensjoni.


Twissijiet dwar is-saħħa: żewġ terzi tal-pakkett, fuq quddiem kif ukoll fuq wara



Il-leġislazzjoni attwali teħtieġ li t-twissijiet dwar is-saħħa jkopru mill-inqas 30% taż-żona tal-quddiem tal-pakkett u 40% tan-naħa ta' wara. L-MEPs iridu jkabbru dan il-proporzjon għal 65% fuq kull naħa. Il-marka għandha tidher fuq in-naħa t'isfel tal-pakkett.



Pakketti b'inqas minn 20 sigarett għandhom jiġu pprojbiti. Min-naħa l-oħra l-MEPs irrifjutaw sejħiet għal projbizzjoni tas-sigaretti irqaq (slims).



Sigaretti elettroniċi



Is-sigaretti elettroniċi għandhom jiġu rregolati iżda mhux soġġetti għall-istess regoli bħal prodotti mediċinali sakemm ma jiġux ippreżentati bħala prodott bi proprjetajiet ta' fejqan jew ta' prevenzjoni. Jekk tali pretensjonijiet ma jsirux is-sigarett m'għandux ikollu iżjed minn 30mg/ml ta' nikotina, ikollu twissijiet dwar is-saħħa u m'għandux jinbiegħ lil persuni taħt it-18-il sena. Produtturi u importaturi ikollhom ukoll jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'lista tal-ingredjenti kollha li jkun fihom. Fl-aħħar, is-sigaretti elettroniċi għandhom jiġu soġġetti għall-istess restrizzjonijiet publiċitarji bħall-prodotti tat-tabakk.


Adittivi msemmija, togħmiet ipprojbiti



L-MEPs jopponu l-użu ta' adittivi u togħmiet fil-prodotti tat-tabakk li jkollhom ir-riżultat li jagħmlu l-prodott iżjed attrenti billi jagħtuh togħma karatterizzanti. Adittivi essenzjali għall-produzzjoni tat-tabakk, bħaz-zokkor, jibqgħu madankollu awtorizzati, u l-istess jgħodd għal sustanzi espliċitament elenkati, f'konċentrazzjonijiet speċifiċi. Biex tinkiseb awtorizzazzjoni għal adittiva, il-produtturi jkollhom japplikaw għand il-Kummissjoni Ewropea.



Ġlieda kontra l-kummerċ illegali



Biex jitnaqqsu n-numru ta' prodotti illegali tat-tabakk fis-suq, l-istati membri għandhom jiggarantixxu li kull pakkett u l-pakkeġġar għat-trasport jiġu identifikati b'marka li tippermetti li jiġu intraċċati mill-produttur sa l-ewwel bejjiegħ, jgħidu l-MEPs.





Il-passi li jmiss



Ir-relatriċi Linda McAvan (S&D, UK) issa ngħatat mandat biex tinnegozja qbil mal-ministri tal-UE. Dan il mandat ġie approvat b'620 vot favur, 43 kontra u 14-il astensjoni.



Ladarba l-leġislazzjoni tiġi approvata mill-Kunsill u l-Parlament, l-Istati Membri jkollhom 18-il xahar biex jittrasponuha f'liġijiet nazzjonali, minn meta d-direttiva tidħol fis-seħħ. Dan il-perijodu jkun ta' tliet snin fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-adittivi u tmien snin għall-menthol. Il-prodotti tat-tabakk li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet jiġu ttollerati fis-suq għal sentejn, u s-sigaretti elettroniċi għal tliet snin.