Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Sorveljanza tal-fruntieri tal-UE: Approvati r-regoli tal-operat tal-Eurosur

Seduta plenarja Stqarrija - Koperazzjoni ġudizzjarja / Koperazzjoni tal-Pulizija10-10-2013 - 13:10
 
Frotex European Union Agency   Eurosur se tippermetti l-istati membri biex jaqsmu immaġni u data f’ħin reali dwar żviluppi fil-fruntieri esterni tal-UE.Frontex European Union Agency

L-istati membri tal-UE se jkunu armati aħjar biex jipprevjenu, jillokalizzaw u jiġġieldu l-immigrazzjoni irregolari, kif ukoll biex isalvaw ħajjet l-immigranti, grazzi għas-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntieri ‘Eurosur’, li r-regoli tal-operat tagħha ġew approvati mill-Parlament nhar il-Ħamis. Eurosur se tippermetti l-istati membri biex jaqsmu immaġni u data f’ħin reali dwar żviluppi fil-fruntieri esterni tal-UE.



In-netwerk ta’ komunikazzjoni Eurosur huwa mfassal biex itejjeb il-lokalizzazzjoni, l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u reati transkonfinali. L-MEPs insistew li din is-sistema għandha tintuża ukoll biex tgħin issalva ħajjet l-immigranti.


“Sistema ta’ sorveljanza mal-fruntieri kollha tal-Ewropa biss tista’ tipprevjeni l-Mediterran milli jsir ċimiterju għar-rifuġjati li jkunu qed jippruvaw jaqsmu dan il-baħar f’dgħajjes żgħar u assolutament mhux addattati, fi tfittxija għal ħajja aħjar fl-Ewropa. Intervent rapidu huwa neċessarju biex nipprevjenu traġedji bħal dik ta’ Lampedusa milli jerġgħu jseħħu,” qal ir-relatur Jan Mulder (ALDE, NL) waqt id-dibattitu fil-plenarja nhar l-Erbgħa.


Il-pajjiżi tal-UE li se jkunu qed jużaw il-Eurosur se jkolllhom iħarsu d-drittijiet fundamentali kollha tal-UE, inkluż il-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe skambju ta’ data personali fost l-istati membri tal-UE jew ma’ pajjiżi terzi tramite l-Eurosur għandu jibqa’ l-eċcezzjoni u għandu jħares il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data.


Aktar minn hekk, l-istati membri m’għandhomx jużaw l-Eurosur biex jibgħatu xi informazzjoni lil pajjiżi terzi li tista’ tintuża biex jiġu identifikati persuni li t-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jkunu qed jiġu pproċessati, jew li ħajjithom jew l-integrità fiżika tagħhom taf tkun f’periklu.


Sfond


Eurosur għandha l-għan li ttejjeb l-ġestjoni tal-fruntieri tal-art u tal-baħar tal-UE billi żżid l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-istati membri u mal-aġenzija tal-immaniġjar tal-fruntieri tal-UE, il-Frontex. Dan jinkludi l-qsim tal-intelliġenza u tad-data f’ħin reali bejn awtoritajiet varji, kif ukoll għodda ta’ sorveljanza.


Skont Frontex, aktar minn 72,000 persuna qasmu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod illegali fl-2012, madwar nofs in-numru tal-2011.


Il-passi li jmiss


Ir-regoli tal-operat tal-Frontex ġew maqbula mal-gvernijiet nazzjonali. Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja se jibdew jużaw il-Eurosur fit-2 ta’ Diċembru 2013. L-istati membri l-oħra se jsegwu fl-1 ta’ Diċembru 2014.


Is-sistema l-ġdida tal-Eurosur ġiet addottata b’479 vot favur, 101 kontra u 20 astensjoni.

Ref. : 20131007IPR21624
 
 
Kuntatti
 
 
  • John SCHRANZ
  • Press Unit
  • Telephone number(+32) 2 28 44264 (BXL)
  • Telephone number(+33) 3 881 74076 (STR)
  • Mobile number(+32) 498 98 14 02