Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

L-MEPs jiftħu t-triq għal aktar mobilità professjonali fl-UE

Seduta plenarja Stqarrija - Moviment ħieles tal-persuni09-10-2013 - 13:28
 
Doctor with stethoscope   ©Belga/Pressassociation/A.Matthews

Karta virtwali tal-kwalifiki professjonali, li se tagħmilha aktar faċli għat-tobba, spiżjara, periti u professjonisti oħrajn biex imorru jaħdmu barra minn pajjiżhom fl-UE, kif ukoll sistema ta’ twissija li tagħmilha aktar diffiċli għal dawk li twaqqfu mill-prattika milli jaħdmu f’pajjiż ieħor, se jiġu introdotti permezz ta’ abozz ta’ liġi li l-Parlament ivvota fuqu nhar l-Erbgħa.




"L-introduzzjoni ta’ karta professjonali Ewropea u ta’ qafas komuni ta’ taħriġ, kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ skemi ta’ taħriġ bħala parti mill-esperjenza tal-professjonisti se ttejjeb bil-kbir il-mobilità tagħhom u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej," qalet ir-relatriċi Bernadette Vergnaud (S&D, FR).




Rikonoxximent aktar faċli u aktar mgħaġġel




Ir-regoli aġġornati ser jippermettu lill-professjonijiet li jixtiequ jaċċelleraw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-membri tagħhom fi stati membri oħrajn biex jużaw il-karta Ewropea tal-kwalifiki professjonali.




Is-sistema se tkun ibbażata fuq sistema elettronika eżistenti ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-istati membri. Din għandha tiffranka l-ħin u tiffaċilita l-proċess ta’ rikonoxximent, għaliex il-professjonisti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ pajjiżhom biex jagħmlu l-arranġamenti għar-rikonoxximent minflok ma jkollhom japplikaw fil-pajjiż fejn jixtiequ jaħdmu.




Sistema ta’ twissija




Id-direttiva għandha l-għan ukoll li tipprevjeni lil professjonisti tas-saħħa li nstabu ħatja ta’ reat relatat ma’ xogħolhom jew li ttieħdet xi azzjoni dixxiplinarja kontrihom, milli jittrasferixxu l-prattika tagħhom fi stat membru ieħor tal-UE. It-test jgħid li l-istati membri tal-UE kollha għandhom jiġu infurmati b’dawn it-tip ta’ każijiet jew deċiżjonijiet dwar azzjoni dixxiplinari ta’ xi professjonisti fi żmien tlett ijiem.




Bażi ta’ data pubblika fl-UE għal professjonijiet regolati




Jeżistu madwar 800 professjonijiet regolati fl-UE u dawn huma suġġetti għal kwalifiki speċifiċi jew diplomi. Skont id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali eżistenti, sebgħa minn dawn huma awtomatikament rikonoxxuti fl-UE: tobba, dentisti, spiżjara, infermiera, qabla, veterinarji u periti.




Biex is-sistema ta’ professjonijiet regolati tkun aktar trasparenti, ir-regoli aġġornati jirrikjedu li l-Kummissjoni Ewropea tistabilixxi bażi ta’ data pubblika għal dawn il-professjonijiet. Din trid titħejja permezz ta’ informazzjoni mill-istati membri, li jkollhom ukoll juru lil xulxin li deċiżjonijiet biex jiġu regolati l-professjonijiet huma proporzjonati, u mhux diskriminatorji.




Id-direttiva l-ġdida, addotata bi 596-il vot favur, 37 kontra u 31 astensjoni, għad trid tiġi formalment approvata mill-istati membri tal-UE.




Proċedura: Ko-deċiżjoni (Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja), ftehim tal-ewwel qari

Ref. : 20131008IPR21711
 
 
Contact
 
 
  • John SCHRANZ

  • Press Unit
  • Telephone number(+32) 2 28 44264 (BXL)
  • Telephone number(+33) 3 881 74076 (STR)
  • Mobile number(+32) 498 98 14 02