Aċċess dirett għan-navigazzjoni prinċipali (agħfas "Enter")
Aċċess għall-kontenut tal-paġna (ikklikkja fuq Enter)
Aċċess dirett għal-lista tas-siti l-oħra (agħfas "Enter")

Il-Parlament japprova regoli biex iżomm liż-żgħażagħ 'il bogħod mit-tipjip

Seduta plenarja Stqarrija - Saħħa pubblika26-02-2014 - 13:48
 
E-Cigarette in a public place   Is-sigaretti elettroniċi ser jinbiegħu bħala prodotti mediċinali jew bħala prodotti tat-tabakk ©BELGA/MAXPPP/ILLUSTRA/D.Bedrunes

L-abbozz ta' liġi li jaġġorna d-Direttiva tal-UE biex il-prodotti tat-tabakk ikunu inqas attraenti għaż-żgħażagħ ġie approvat mill-MEPs nhar l-Erbgħa. Din il-liġi, diġà maqbula informalment mal-ministri tas-saħħa tal-pajjiżi membri, se tkun tirrikjedi li l-pakketti kollha tal-prodotti tat-tabakk ikollhom avviż li jieħu 65% tal-ispazju fuqhom. Is-sigaretti elettroniċi (E-cigarettes) se jkunu regolati bħala prodotti mediċinali jew inkella bħala prodotti tat-tabakk.


L-avviżi tas-saħħa: fuq żewġ terzi tal-pakkett, quddiem u wara

Il-liġi preżenti tirrikjedi avviżi tas-saħħa fuq 30% tal-ispazju fuq quddiem tal-pakkett u 40% fuq wara. It-test propost se jżid il-kobor tal-avviż għal 65% tal-pakkett, quddiem u wara, u ser jeħtieġ li l-avviżi jkunu f'forma ta' stampa - xi ħaġa li ma ssirx fil-pajjiżi kollha bħalissa. Pakketti b'inqas minn 20 sigarett - li huma irħas u li għalhekk huma aktar aċċessibbli għat-tfal - se jkunu pprojbiti fil-ftit pajjiżi fejn għadhom permessi.

Żewġ possibbiltajiet għall-E-cigarettes

Kif propost mill-MEPs, l-e-cigarettes se jkunu regolati jew bħala prodotti mediċinali - jekk jinbiegħu bħala prodott li jgħin biex wieħed jieqaf ipejjep, jew inkella bħala prodotti tat-tabakk. Jekk jitqiesu prodotti tat-tabakk, il-konċentrazzjoni ta' nikotina ma tistax tkun ta' aktar minn 20 mg/ml.


E-cigarettes li jistgħu jerġgħu ijmtlew ser jiġu permessi. Is-sigaretti elettroniċi għandu jkollhom avviżi tas-saħħa u ma jkunux jisgħu jintużaw mit-tfal. Se jkunu suġġetti għall-istess restrizzjonijiet fuq ir-reklamar bħall-prodotti tat-tabakk.

L-addittivi msemmija u t-togħmiet projbiti

Id-direttiva tipprojbixxi togħmiet miżjuda fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim li jrendu l-prodott aktar attraenti għax jagħtu "togħma karatterizzanti". Il-mentol se jkun projbit mill-2020. It-togħmiet għat-tabakk għall-pipa tal-ilma se jkunu permessi.

Ċerti addittivi partikolarment dannużi ser jiġu pprojbiti u l-industrija tat-tabakk tista' tinħtieġ twettaq studji supplimentari fir-rigward ta' lista ta' addittivi li jinsabu fuq "lista prijoritarja". Addittivi li huma essenzjali għall-produzzjoni tat-tabakk, bħaz-zokkor, se jkunu awtorizzati.

700,000 - l-imwiet fis-sena fl-UE

Tnax-il sena wara li daħlet fis-seħħ id-direttiva preżenti, it-tipjip jibqa' l-kawża ewlenija ta' mewt fl-UE li tista' tiġi evitata. Madwar 700,000 ruħ imutu kull sena minħabba t-tipjip. Matul is-snin, il-miżuri meħuda biex jiskoraġġixxu t-tipjip għenu biex il-proporzjon ta' ċittadini tal-UE li jpejpu tnaqqas minn 40% fl-UE15 fl-2002 għal 28% fl-UE27 fl-2012.

Il-passi li jmiss

Id-direttiva issa trid tiġi approvata mill-Kunsill tal-Ministri fl-14 ta' Marzu. Il-pajjiżi membri mbagħad iridu jdaħħlu r-regoli dwar il-prodotti tat-tabakk fil-liġijiet tagħhom fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva aġġornata.

 

Aktar informazzjoni

 

Proċedura: Kodeċiżjoni, l-ewwel qari

 

Ref. : 20140221IPR36632
 
 
Contact
 
 
  • John SCHRANZ

  • Press Unit
  • Telephone number(+32) 2 28 44264 (BXL)
  • Telephone number(+33) 3 881 74076 (STR)
  • Mobile number(+32) 498 98 14 02