Il-MPE jivvutaw biex jipproteġu n-newtralità tan-net.

Li tistenna quddiem il-kompjuter sakemm il-kontenut tal-internet ikun jista’ jillowdja hija xi ħaġa li tqabbdek frustrazzjoni. Barra minn hekk tista’ tkun ta’ deterrent għan-negozju tiegħek. Dan id-dewmien jista’ jkun minħabba l-konġestjoni tan-netwerk fil-ħinijiet l-aktar intensivi. Madankollu jista’ jiġri hekk ukoll jekk il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għal ċerti servizzi u applikazzjonijiet, pereżempju dawk ta’ kompetituri oħra.

Illustration image of an internet cable connection ©BELGA_SCIENCE
©BELGA_SCIENCE

Fit-18 ta’ Marzu, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija ivvota biex jipprojbixxi din it-tip ta’ prattika li tmur kontra l-prinċipju tan-newtralità tan-net.

Id-data kollha li tgħaddi minn fuq l-internet għandha tiġi ttrattata b’mod ugwali, irrispettivament mis-sors jew tip. Dan qalu l-kumitat waqt li vvota biex il-leġiżlazzjoni tal-UE tħaddan dan il-prinċipju. Din il-leġiżlazzjoni se tkun parti mir-regoli ġodda għas-settur tat-telekomunikazzjoni.  


“It-traffiku fuq l-internet għandu jiġi ttrattat b’mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjonijiet jew interferenza” qalet ir-rapporteur Pilar del Castillo (Partit Popolari Ewropew, ES) wara l-votazzjoni.


“Ninsab tassew kuntent li l-kumitat ivvota favur projbizzjoni tal-imblukkar, id-diskriminazzjoni u t-trażżin tal-kontenut tal-internet”, żied jgħid ix-shadow rapporteur Jens Rohde (Grupp tal-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi għall-Ewropa, DK).


Fl-istess ħin, il-kumpaniji xorta se jkunu jistgħu jibqgħu joffru servizzi hekk imsejħa speċjalizzati (konnessjonijiet) ta’ kwalità mtejba lill-klijenti tagħhom. Eżempji ta’ dawn is-servizzi jinkludu applikazzjonijiet ta’ data intensiva bħal TV b’definizzjoni għolja, servizzi tal-banek, vidjokonferenzi jew telemediċina interattiva.


Bl-għan li jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ma jagħmlux ħsara lill-internet miftuħ u s-servizzi pubbliċi, il-kumitat żied xi salvagwardji: servizzi speċjalizzati permessi biss jekk dawn ma jaffettwawx jew ma jfixklux l-internet ta’ utenti oħra; il-fornituri tal-internet ma jistgħux iġiegħlu liċ-ċittadini jew lil dawk li jikkreaw il-kontenut biex jixtru dawn is-servizzi.


Madankollu, xi MPE qalu li s-salvagwardji mhumiex b’saħħithom biżżejjed biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni.


“Aħna m’aħniex kontra s-servizzi speċjalizzati – IPTV u t-telemediċina huma eżempji ċari ta’ dan – iżda l-iżvilupp tagħhom m’għandux jaffettwa l-veloċità jew il-kwalità tal-aċċess tal-konsumatur medju,” qalet il-kelliema għall-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u fil-Kumitat għall-Industrija, Teresa Riera.


Għandu jkun hemm definizzjoni preċiża ta’ “servizzi speċjalizzati” sabiex dawn ma jiġux konfużi “mas-servizzi tal-aċċess tal-internet”, qalet ix-shadow rapporteur Catherine Trautmann (Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew).


Amelia Andersdotter, kelliema tal-E-komunikazzjoni għall-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea fil-Kumitat għall-Industrija qalet; “Sfortunament, il-maġġoranza taċ-ċentru-lemin appoġġjat proposti tal-Kummissjoni, li essenzjalment jagħtu lok li l-fornaturi l-kbar jiddiskriminaw kontra l-utenti kif jidhrilhom.”


Il-votazzjoni fil-plenarja hija skedata għat-3 ta’ April 2014.