Il-Papa Franġisku jibgħat messaġġ "liċ-ċittadini kollha tal-Ewropa" fil-Parlament Ewropew  

Stqarrija 
Aġġornata(a): 
 
Maħluq(a):   
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Id-diskors tal-Papa ntlaqa' b'applaws twil mill-MEPs waqt il-plenarja © ep  

Il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem kienet tema ewlenija fl-indirizz formali mogħti mill-Papa Franġisku lill-Membri tal-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta. L-immigrazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija kienu fost is-suġġetti enfasizzati fid-diskors bit-tema "Ewropa biex tiskopri mill-ġdid l-aħjar tagħha".


Huwa u jiftaħ is-seduta formali, il-President tal-Parlament Martin Schulz qal li n-nuqqas ta' fiduċja fil-politika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew, huwa "tremend", u saħaq li l-ebda istituzzjoni ma tista' topera jekk ma jkollhiex appoġġ. "Għaldaqstant jeħtieġ li kollha kemm aħna nikkooperaw biex nakkwistaw mill-ġdid din il-fiduċja mitlufa", huwa qal.


Schulz saħaq fuq il-"miri komuni" tal-UE u tal-knisja Kattolika fil-promozzjoni tal-"valuri tat-tolleranza, ir-rispett, l-ugwaljanza, is-solidarjeta u l-paċi", filwaqt li żied jgħid li "L-Unjoni Ewropea tirrifletti l-inklużjoni u l-kooperazzjoni, u  mhux l-esklużjoni u l-konfrontazzjoni".

 

Id-drittijiat tal-bniedem u d-dinjità


"Nixtieq nibgħat messaġġ ta' tama u ta' inkoraġġiment liċ-ċittadini kollha tal-Ewropa", qal il-Papa Franġisku lill-MEPs. Huwa qal li d-dinjità kienet il-kunċett fundamentali fil-proċess ta' rikostruzzjoni tal-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija u faħħar il-fatt li "l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija ċentrali għall-impenn tal-UE fil-ġlieda tagħha favur id-dinjità tal-persuna", kemm fl-Unjoni kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi.


Il-Parlament Ewropew għandu "r-responsabbiltà li jżomm ħajja d-demokrazija għall-popli Ewropej": id-demokraziji m'għandhomx jitħallew "jikkollassaw taħt il-pressjoni ta' interessi  multinazzjonali li mhumiex universali", qal il-Papa Franġisku, filwaqt li żied jgħid li "Wasal iż-żmien li jiġu promossi politiki li joħolqu l-impjiegi, iżda aktar minn hekk hemm il-bżonn li tiġi ristawrata d-dinjità tax-xogħol billi jiġu żgurati kondizzjonijiet ta' xogħol adegwati". 


L-ambjent u l-immigrazzjoni


"L-Ewropa dejjem kienet minn tal-ewwel fil-promozzjoni tal-ekoloġija", saħaq il-Papa. Ir-rispett tal-ambjent ifisser li l-ambjent ma jiġix meqrud, iżda wkoll "li jintuża għal skopijiet tajba", bħall-produzzjoni tal-ikel għal dawk li jeħtieġuh.


Il-Papa Franġisku indirizza wkoll il-kwistjoni tal-flussi tal-immigrazzajoni lejn l-UE. Huwa qal: "Ma nistgħux inħallu l-Mediterran isir ċimiterju kbir", filwaqt li saħaq li n-nies li jaslu biddgħajjes jirrikjedu "aċċettazzjoni u assistenza". L-Ewropa tista' taffronta l-problemi marbuta mal-immigrazzjoni "biss jekk hija kapaċi tasserixxi b'mod ċar l-identità tagħha", huwa żied.

 

Sfond


Il-Papa kien mistieden mill-President Schulz, f'isem il-Parlament Ewropew, meta kien fuq żjara uffiċjali l-VAtikan fil-11 ta' Ottubru 2013. Din hija l-ewwel żjara fil-Parlament ta' Papa f'26 sena. L-aħħar żjara kienet fl-1988, meta l-Papa Ġwanni Pawlu II indiizza lill-Parlament, sena biss qabel il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin.

 

Il-Papa wasal l-Parlament Ewropew fi Strasburgu għal ħabta tal-10:30 u ntlaqa' mill-President Schulz, b'ċerimonja ta' ftuħ magħmula miz-żewġ innijiet u ċerimonja tat-tlugħ tal-bandiera. Wara ċ-ċerimonja, il-President Schulz introduċa l-Papa lill-membru tal-Bureau u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-PE. Il-Papa kompla ż-żjara tiegħu fil-Kunsill tal-Ewropa.

 

Il-Parlamet Ewropew huwa l-uniku korp tal-UE elett direttament u wieħed mill-ikbar assemblei demokratiċi fid-dinja. Is-751 Membru tiegħu jirrappreżentaw il-500 miljun ċittadin tal-UE. Huma eletti darba kull ħames snin mll-votanti mit-28 Stat Membru.