Ftuħ tas-sessjoni ta’ Jannar: Il-PE isellem lil Philip Bradbourn u Leo Tindemans  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-President Schulz fetaħ is-sessjoni ta’ Jannar, wara l-istqarrijiet u minuta silenzju li fakkru l-attakki terroristiċi tal-ġimgħa l-oħra f’Pariġi, b’tislima lil MEPs Philip Bradbourn, Ingliż li miet fid-19 ta’ Diċembru, u Leo Tindemans, Belġjan li miet fis-26 ta’ Diċembru. Wara saret minuta silenzju għall-memorja tagħhom.


 

 

Schulz qal li Philip Bradbourn (UK, ECR), li kellu 63 sena, kien beda l-karriera tiegħu fl-1999 bħala MEP li jirrappreżenta r-reġjun tal-West Midlands, wara 20 sena jaħdem bħala town-planner. Huwa qal li s-Sur Bradbourn mhux se jintesa u ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja u l-ħbieb tiegħu.


Dwar Leo Tindemans, li miet ta’ 92 sena, il-President qal li dan kien Ewropew kbir. Kien influwenzat mhux ftit mill-okkupazzjoni brutali ta’ pajjiżi min-Nażisti u ħadem qatigħ għall-paċi fl-Ewropa, l-ewwel bħala Membru tal-Parlament Belġjan, imbagħad bħala Prim Ministru, Ministru tal-Affarijiet Barranin, u Membru tal-Parlament Ewropew. Fl-ewwel elezzjoni diretta għall-Parlament Ewropew ġie mlaqqam "Mr Europe" għaliex kien ġie elett b’maġġoranza ta’ voti impressjonanti.



Tibdil fl-aġenda

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament se jiddibatti l-attakki li saru dan l-aħħar mill-Boko Haram fin-Niġerja flimkien mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini. Fis-sessjoni ta’ Frar imbagħad mistenni jittieħed vot dwar riżoluzzjoni.

MEPs ġodda

 

L-MEP Belġiana Anneleen VAN BOSSUYT (ECR) bdiet il-mandat tagħha fit-8 ta’ Jannar 2015.



L-MEP Belġiana MEP Hilde VAUTMANS (ALDE) bdiet il-mandat tagħha fl-1 ta’ Jannar 2015.



MEPs li temmew il-mandat

 

L-MEP BelġianLouis IDE (ECR) irriżenja b’effett mit-18 ta’ Diċembru 2014.