Sejħiet ta' emerġenza awtomatiċi f'mudelli ta' karozzi ġodda mir-rebbiegħa 2018 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Sal-31 ta’ Marzu 2018 il-karozzi l-ġodda kollha, inklużi vannijiet żgħar, irid ikollhom sistemi li jagħmlu sejħiet ta’ emerġenza b’mod awtomatiku (eCall) f’każ ta’ inċident. Dan joħroġ minn regoli ġodda li l-MEPs ivvutaw fuqhom nhar it-Tlieta. L-inċidenti tat-traffiku kienu l-kaġun ta' 25,700 mwiet fl-UE fl-2014 - u dan l-apparat mistenni jnaqqas dan in-numru b'10% kull sena.

"L-introduzzjoni tas-sistema ta' emerġenza eCall madwar l-UE ser jgħin sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq fit-28 stat membru. Il-Parlament Ewropew saħaq kemm-il darba li l-prijorità tiegħu hi li jitnaqqsu l-imwiet u korrimenti serji fit-toroq. L-eCall, bħala servizz pubbliku bla ħlas għaċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-vettura jew il-prezz tagħha, ser jikkontribwixxi għal dan l-għan komuni" qalet ir-rapporteur Olga Sehnalová (S&D, CZ).


Is-sistema tal-eCall fil-vettura tuża teknoloġija li b’mod awtomatiku ċċempel in-numru tal-emerġenza 112 biex tinforma lis-servizzi tal-emerġenza li seħħ inċident serju. B’hekk ikunu jistgħu jiddeċiedu immedjatament x’tip ta’ għajnuna jkun hemm bżonn u jaslu aktar malajr fuq il-post b’possibbiltà akbar li jsalvaw il-ħajjiet, inaqqsu s-severità tal-korrimenti u jnaqqsu l-impatt tat-traffiku.


Protezzjoni ta' data personali: il-vetturi ma jkunux traċċati

 

L-MEPs saħħew il-klawżola dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali fl-abbozz tal-liġi sabiex il-vettura ma tkunx tista' tiġi traċċata bl-eCall qabel ma jseħħ l-inċident. Bir-regoli l-ġodda, is-sejħa awtomatika tagħti biss lis-servizzi tal-emerġenza informazzjoni minima u bażika, bħal per eżempju t-tip ta' vettura, it-tip ta' fjuwil użat, il-ħin tal-inċident, il-post eżatt u n-numru ta' passiġġieri.


Ir-regoli jgħidu li l-informazzjoni miġbura permezz tal-eCall miċ-ċentri tal-emerġenza jew l-imsieħba tas-servizzi tagħhom m'għandhiex tkun trasferit lil terzi mingħajr il-kunsens espliċitu tal-persuna Kkonċernata. Il-manifatturi ser ikollhom jiżguraw ukoll li d-diżinn tat-teknoloġija tal-eCall ikun jippermetti t-tħassir komplet u permanenti tal-informazzjoni miġbura.


Mir-rebbiegħa 2018


Il-mudelli l-ġodda kollha tal-vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali żgħar ser ikollhom ikunu mgħammra bis-sistema tal-eCall mil-31 ta' Marzu 2018. L-MEPs assiguraw ukoll obbligazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li tivvaluta fit-tliet snin wara r-rebbiegħa tal-2018, jekk l-eCall għandhiex tiddaħħal f'tipi ta' vettura oħrajn bħal xarabank, coaches jew trakkijiet.


Dawn ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu obbligi għal manufatturi tal-vetturi. Regoli separati, li jirregolaw l-infrastruttura li l-pajjiżi tal-UE għandhom jimplimentaw sal-1 ta' Ottubru 2017 biex jipproċessaw l-eCalls, daħlu fis-seħħ fl-aħħar ta' Ġunju 2014.


 Il-pass li jmiss


Il-vot fil-Parlament itemm il-proċedura leġiżlattiva. Ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


Proċedura: Kodeċiżjoni, qbil wara t-tieni qari

Mur fil-paġna sors

In-numru ta' mwiet fuq it-toroq Ewropej sfortunatament għadu għoli wisq

rapporteur Olga Sehnalova 
Aqsam din il-kwotazzjoni ma' ħaddieħor: 

2500  ; ħajja jistgħu jiġu salvati bl-eCall

Aqsam din il-kwotazzjoni ma' ħaddieħor: