Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament iqis li l-konservazzjoni u r-restawr ta' ekosistemi li tkun saritilhom il-ħsara għandhom jingħataw prijorità politika ogħla. Peress li l-UE ma rnexxilhiex tilħaq il-mira globali tagħha b'rabta mal-bijodiversità għall-2010, il-Parlament iqis li l-konservazzjoni tal-bijodiversità għandha tiġi inkluża fil-politiki ewlenin tal-Unjoni. Barra minn hekk, sussidji li jistgħu joħolqu ħsara fl-ambjent għandhom jiġu identifikati u mwaqqfa bil-mod il-mod sal-2020.

L-MEPs adottaw riżoluzzjoni bħala segwitu għall-istrateġija tal-EU għall-bijodiversità sal-2020, li kienet ġiet imressqa mill-Kummissjoni f'Mejju tas-sena l-oħra. Huma nnotaw li studji riċenti wrew tnaqqis kontinwu tal-bijodiversità fl-UE, li jwassal għal "spejjeż ekonomiċi devastanti għas-soċjetà li s'issa ma ġewx integrati b'mod suffiċċenti fil-politiki ekonomiċi u f'politiki oħrajn."


B'rabta mal-Politika Agrikola Komuni (CAP), l-MEPs enfasizzaw li din m'hix biss strument għall-produzzjoni tal-ikel u għall-iżvilupp rurali, iżda wkoll għall-konservazzjoni tal-bijodiversità. Huma wrew dispjaċir li s'issa, il-miżuri tal-CAP għall-ħarsien tal-ambjent naqsu milli jwaqqfu t-tnaqqis ġenerali tal-bijodiversità fl-UE. Għaldaqstant għandu jsir orjentament mill-ġdid tal-CAP sabiex il-bdiewa jingħataw kumpens għat-twassil tal-prodotti pubbliċi, "peress li s-suq bħalissa mhux qed jirnexxielu jintegra l-valur ekonomiku tal-prodotti pubbliċi li l-agrikoltura tista' twassal."


L-MEPs talbu li l-pagamenti kollha tal-CAP, inklużi dawk li jsiru mill-2014, jiġu sostnuti minn "regoli sodi ta’ kundizzjonalità li jgħinu biex jiġu konservati l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema," li jkopru l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-għasafar u l-ħabitats, il-pesitiċidi u l-bijoċidi, u l-ilma.


Il-Parlament iqis ukoll li għandha tissaħħaħ l-ispezzjoni tal-prattiki agrikoli sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità. Is-sussidji eżistenti kollha li huma ta’ ħsara għall-ambjent għandhom jiġu identifikati u għandhom jinqatgħu sal-2020.