Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor : 
Network cables. ©BELGA/AFP/T.Coex        
Il-kontijiet bankarji għandhom jiġu protetti mill-ispjunaġġ illegali tal-NSA, jemmnu l-MEPs © BELGA/AFP/F.Coffrini 

L-UE għandha tissospendi il-ftehim li għandha mal-Istati Uniti, msejjaħ Terrorist Finance Tracking Program (TFTP), b'risposta għall-allegat abbuż ta' data bankarja ta' ċittadini tal-UE miżmuma mill-kumpanija Belġjana SWIFT, skont riżoluzzjoni li ma torbotx li vvota fuqha l-Parlament nhar l-Erbgħa.

Ir-riżoluzzjoni tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra mill-gruppi S&D, ALDE u l-Ħodor/EFA u ġiet addottata b'280 vot favur, 254 vot kontra u 30 astensjoni.


Għalkemm il-Parlament ma għandu l-ebda poter formali biex jibda s-sospensjoni jew biex iwaqqaf ftehim internazzjonali, "il-Kummissjoni jkollha tieħu azzjoni jekk il-Parlament jirtira l-appoġġ tiegħu għal ftehim partikolari," jgħid it-test li ġie approvat. Iżid jgħid li l-Parlament se jieħu in konsiderazzjoni r-risposta tal-Kummissjoni għal din it-talba meta jqis jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehimiet internazzjonali futuri.


L-investigazzjoni tal-Europol


Il-MEPs ikkundannaw il-fatt li l-ebda stat membru tal-UE ma investiga dawn l-allegazzjonijiet u ħeġġew lill-pajjiżi tal-UE biex jawtorizzaw inkjesta mill-Europol Cybercrime Centre. Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll "investigazzjoni teknika sħiħa fuq il-post" tal-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom aċċess mhux awtorizzat għas-servers ta' SWIFT.


L-inkjesta speċjali tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili fir-rigward tas-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini tal-UE għandha ukoll tkompli tinvestiga l-allegazzjonijiet, iżid jgħid it-test.


In-neċessità ta' standards għoljin tal-protezzjoni tad-data


Il-Parlament jisħaq li kwalunkwe ftehim dwar il-qsim tad-data mal-Istati Uniti irid ikun ibbażat fuq qafas konsistenti ta' protezzjoni tad-data li joffri standards li jorbtu legalment.


Sfond


Il-ftehim TFTP tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data bankarja biex jiġu ntraċċati l-flussi finanzjarji tat-terroristi daħal fis-seħħ f'Awwissu tal-2010. Rapporti fil-media jallegaw li l-aġenzija tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti (NSA) qed tabbuża mid-data finanzjarja personali ta' ċittadini tal-UE miżmuma mill-kumpanija Belġjana SWIFT. L-aċċess tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti għal din id-data finanzjarja hija limitata strettament għall-ftehim TFTP. Jekk jiġu ppruvati, dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu ksur ċar tal-ftehim li jeżisti bejn l-UE u l-Istati Uniti.


Proċedura: Riżoluzzjoni li ma torbotx