Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-MEPs appellaw lill-pajjiżi membri biex iżidu l-ispezzjonijiet fuq il-fruntieri esterni, inklużi l-ajruporti, biex jiġu evitati attakki terroristiċi. ©BELGAIMAGE/AFP/K.Tribouillard  

Biex l-UE tkun imħarsa minn attakki terroristiċi filwaqt li jibqgħu jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, l-MEPs sostnew f'riżoluzzjoni nhar l-Erbgħa li huma favur programmi kontra r-radikalizzazzjoni, żieda fil-kontrolli fuq il-fruntieri esterni taż-żona Schengen, u skambju aħjar tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.


Huma ħeġġew lill-pajjiżi membri jħaffu l-progress fuq il-Pakkett Leġiżlattiv dwar il-Protezzjoni tad-Data, biex b'hekk it-taħdidiet ikunu jistgħu jissuktaw b'mod parallel ma' dawk dwar il-proposta dwar il-Passenger Name Record (PNR). B'hekk ikun hemm sett sħiħ ta' regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

 
 

Ir-riżoluzzjoni konġunta ġiet approvata b'532 vot favur, 136 kontra, u 36 astensjoni.


Il-miżuri kontra t-terroriżmu m'għandhomx jikkompromettu d-drittijiet fundamentali


L-MEPs wiegħdu li se jaħdmu "biex tiġi finalizzata direttiva tal-UE dwar il-PNR sal-aħħar tas-sena" u ħeġġew lill-pajjiżi membri biex jagħmlu progress dwar il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data, biex in-negozjati fuq iż-żewġ proposti jkunu jistgħu jimxu flimkien. Huma jridu jiżguraw li l-ġbir u l-qsim tad-data jkun ibbażat fuq qafas ta' protezzjoni tad-data koerenti li jkun jipprovdi standards ta' protezzjoni li jorbtu legalment madwar l-UE.


Huma jħeġġu wkoll lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-konsegwenzi tal-annullament tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tfittex il-parir ta' esperti indipendenti dwar in-"neċessità u l-proporzjonalità" tal-proposta dwar il-PNR.


It-theddida dejjem tikber ta' "ġellieda barranin mill-UE”


L-MEPs appellaw biex ikun hemm diversi modi kif tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni, u appellaw lill-pajjiżi membri biex:

  • jinvestu fi skemi edukattivi u soċjali li jindirizzaw l-għeruq tar-radikalizzazzjoni, 
  • jipprovdu kontrobilanċ għal inċitament fuq l-internet biex jitwettqu atti terroristiċi,
  • jipprevjenu r-reklutaġġ u t-tluq biex persuni jingħaqdu ma' organizzazzjonijiet terroristiċi,
  • ixekklu s-sostenn finanzjarju lil organizzazzjonijiet terroristiċi u t-traffikar tal-armi, u
  • jistabbilixxu programmi ta' “rilaxx u deradikalizzazzjoni”.

Żieda fl-ispezzjonijiet fuq il-fruntieri esterni


L-MEPs appellaw lill-pajjiżi membri biex jipprevjenu l-moviment ta' persuni suspettati ta' terroriżmu billi jsaħħu l-ispezzjonijiet fuq il-fruntieri esterni. Huma jeskludu proposti biex tiġi sospiża s-sistema Schengen, iżda jinkoraġġixxu lill-pajjżi membri jissikkaw ir-regoli eżistenti u jagħmlu użu aħjar mis-Sistena ta' Informazzjoni Schengen (SIS) u s-Sistema Avvanzata ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (APIS). HUma jisħċu li ċerti spezzjonijiet immirati diġà jistgħu jsiru fuq individwi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni.


Titjib fil-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni


Il-pajjiżi membri għandhom itejbu l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-aġenziji tal-UE. B'mod partikolari, għandhom jiżguraw li l-unitajiet nazzjonali tagħhom jipprovdu lill-Europol bl-informazzjoni rilevanti. L-MEPs irrimarkaw li 50% biss tal-informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tingħadda mill-pajjiżi membri lill-Europol u l-Eurojust. Huma jappoġġjaw ukoll pjani biex tinħoloq pjattaforma Ewropea kontra t-terroriżmu fi ħdan il-Europol biex jittieħed il-massimu tal-kapaċitajiet operattivi, tekniċi u ta' intelligence tal-aġenzija.



Proċedura: Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva