David Casa nominat bħala membru fil-kumitat temporanju dwar ir-reati finanzjarji 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-MEPs approvaw il-45 membru li ser ipoġġu fil-“Kumitat Speċjali dwar ir-Reati Finanzjarji, l-Evażjoni Fiskali u l-Evitar tat-Taxxi”.

David Casa, MEP Malti tal-PPE, ser ikun membru shih tal-kumitat. L-MEPs Roberta Metsola (PPE) u Alfred Sant (S&D) se jkunu membri sostituti.

 

Skont il-mandat tal-kumitat - li ġie adottat matul l-aħħar plenarja - il-ħidma għandha tinkludi l-eżaminar ta’ “sistemi nazzjonali li jipprovdu privileġġi fiskali”, il-frodi tal-VAT, u l-problemi biex jiġi żgurat li l-ekonomija diġitali tħallas it-taxxi dovuti.

 

Xi jmiss

 

Il-kumitat speċjali ser iżomm l-ewwel laqgħa tiegħu fit-22 ta’ Marzu meta l-membri huma mistennija jagħżlu l-President, il-Viċi-Presidenti u r-relaturi.  Il-kumitat għandu mandat ta’ tnax-il xahar.

 

Dikjarazzjonijiet minn MEPs Maltin

 

David Casa (EPP): Is-sistema Maltija hi approvata mill-Kummissjoni Ewropea. Jien ilni 14-il sena niddefendi s-sistema tat-taxxa Maltija u issa, li din tinsab taħt l-attenzjoni, se nirdoppja l-isforzi tiegħi. Hi sfortuna li l-kredibilità tagħna meta nitkellmu dwar l-awtoritajiet ta’ superviżjoni f’Malta tkun imtappna bil-preżenza ta’ nies assoċjati mal-kriminalità fl-ogħla livell tal-Gvern Malti, kif ukoll b’liċenzji lil istituzzjonijiet bħal Nexia BT u Pilatus Bank, minkejja l-provi ċari li jimplikawhom f’attività kriminali. Aktar ma dawn l-affarijiet idumu biex jiġu indirizzati, aktar ser tkun diffiċli li niddefendu l-pożizzjoni u d-drittijiet ta’ Malta.

 

Roberta Metsola (EPP): F’dan il-Kumitat, se nagħmlu dak kollu possibbli biex nassigura li l-interessi ta’ Malta huma protetti, u li kull mossa biex tiddeskrivina bħala tax haven titwaqqaf. Is-sovranità tas-sistema tat-taxxa Maltija trid tibqa’ tiġi rispettata. Aħna se niffukaw biex niġġieldu l-kriminalità, u nwaqqfu l-abbuż, biex politiċi bħal Konrad Mizzi ma jkunux jistgħu jibqgħu għaddejjin bħal xejn mhu xejn wara dak kollu li għamlu.

 

Francis Zammit Dimech (EPP): Għalkemm qed jitwaqqaf dan il-kumitat mill-Parlament Ewropew dwar l-evażjoni tat-taxxa jibqgħu validi żewġ prinċipji fundamentali. L-ewwel li s-sistema tat-taxxa tibqa l-għażla ta’ kull stat membru anke għaliex kull stat membru irid jara x’sistema ta’ taxxa jaqbillu juża biex jiġbed lejh l-akbar investiment possibbli. It-tieni, kull Gvern huwa obbligat li jħares li fis-sistema tat-taxxa jkun hemm prinċipji ċari ta’ trasparenza u ta’ iggvernar serju kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-evażjoni tat-taxxa. Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-obbligi li hemm għal kull min għandu impjieg normali biex jaqla l-għixien tiegħu għandhom japplikaw għal kulħadd b’mod ugwali.