Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, imwettaq fl-aħħar ta’ Frar 2019, jenfasizza t-tkomplija tal-appoġġ b’saħħtu għall-Unjoni Ewropea, minkejja t-tisħiħ tal-populisti u l-ewroxettiċi.

L-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2019 tal-Parlament Ewropew, li jkejjel l-attitudnijiet pubbliċi lejn l-UE tliet xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej, juri li minkejja d-diversi sfidi interni u esterni li l-UE ħabbtet wiċċha magħhom fis-snin li għaddew, is-sens Ewropew ta' għaqda ma jidhirx li ddgħajjef. L-appoġġ li kompla għas-sħubija fl-UE jimxi id f’id mat-twemmin qawwi (68%) li l-pajjiżi tal-UE b’mod ġenerali bbenefikaw mis-sħubija fl-UE - livell li huwa daqs l-ogħla livell irreġistrat mill-1983. F'Malta 91% jemmnu li pajjiżna ibbenefika mis-sħubija fl-UE.


Barra minn hekk, 61% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ jgħidu li s-sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE hija ħaġa tajba. Din ir-rata ta’ approvazzjoni wkoll taqbel mal-quċċata rekord imkejla fl-aħħar studju tal-Ewrobarometru tal-Parlament sitt xhur ilu, u qabel dan kienet irreġistrata f’dan il-livell biss wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989.


Is-sentimenti ta' inċertezza taċ-ċittadini, parzjalment minħabba l-isfidi esperjenzati fl-UE matul is-snin li għaddew, inbidlu, kif jidher fis-27% tal-Ewropej li issa jikkunsidraw li l-UE "la hija ħaġa tajba u lanqas ħażina", b'żieda rreġistrata f’19-il pajjiż. Barra minn hekk, bħala medja, 50% ta’ dawk li wieġbu jħossu li l-affarijiet mhumiex sejrin fid-direzzjoni t-tajba la fl-UE u lanqas f'pajjiżhom stess. Madankollu, nofs dawk li wieġbu (51%) jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE.


Iżda meta jiġu biex jesprimu l-vuċi tagħhom f’vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, terz biss mill-Ewropej jafu li l-votazzjoni se ssir f'Mejju u 5% biss kienu kapaċi jikkwotaw id-dati eżatti. 35% ta’ dawk li wieġbu qalu li kważi ċertament kienu se jivvutaw u 32% oħra li probabbilment se jivvutaw. F'Malta 73% tal-persuni intervistati jafu d-data tal-elezzjoni, imma minn dawn 36% kważi ċertament se jivvutaw waqt li 35% fil-mija oħra x'aktarx li jivvutaw u 28% x'aktarx li ma jivvutawx.


Il-prijoritajiet tal-kampanja taċ-ċittadini komplew jevolvu matul l-aħħar sitt xhur. L-ekonomija u t-tkabbir (50%) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (49%) issa qegħdin fuq quddiem fl-aġenda, segwiti mill-immigrazzjoni (44%) u l-bidla fil-klima (43%), filwaqt li l-ġlieda kontra t-terroriżmu niżlet fil-ħames post b'41%. 54% ta' dawk li wieġbu jixtiequ jaraw ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew imsaħħaħ fil-futur, bil-ħsieb li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet transkonfinali.


L-Isfond tal-istħarriġ


Dan l-istħarriġ fost il-pubbliku twettaq mid-19 ta' Frar sal-4 ta' Marzu 2019 u sar fost 27 973 Ewropew, li kienu meħuda bħala kampjun rappreżentattiv mill-popolazzjoni ġenerali ta' 15-il sena jew aktar. Fil-kuntest politiku taż-żmien meta nkiteb, iċ-ċifri medji tal-UE ġew ikkalkulati għal 27 Stat Membru, filwaqt li r-riżultati għar-Renju Unit jidhru wkoll bħala addizzjoni.