Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Meta fadal biss xahar għall-elezzjonijiet Ewropej tat-23-26 ta’ Mejju, il-Parlament Ewropew illum nieda l-film “Għażel il-Futur Tiegħek” biex iħeġġeġ lin-nies jivvutaw.

Il-film qasir huwa mmirat biex iħeġġeġ lin-nies jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u jirriflettu dwar il-ġenerazzjonijiet futuri li ser ikollhom jgħixu bil-konsegwenzi ta’ dan il-vot. Dirett mill-ippremjat Frédéric Planchon, il-film jiddokumenta l-mumenti intensivi, sbieħ u fraġli meta t-trabi jitwieldu.

Il-film għandu bħala narratur tifla Daniża li tappella għas-sens ta’ responsabbiltà tal-votanti. “Kull wieħed minna jista’ jħalli marka, iżda flimkien nistgħu nagħmlu differenza reali. Agħżel l-Ewropa li fiha trid tikber”. L-elezzjonijiet, li ser isiru fil-pajjiżi kollha tal-UE bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju, ser ikunu determinanti għas-sura tal-Unjoni Ewropea tal-ġejjieni.

Is-suġġett tal-bżonn li nibqgħu flimkien huwa konformi mar-riżultati ta’ stħarriġ ikkummissjonat mill-Parlament f’April , 80% taċ-ċittadini jaqblu li dak li jgħaqqad l-Ewropej huwa iżjed importanti minn dak li jisseparahom (Tabella 1). Meta jintalbu jgħidu x’inhuma l-ewwel sentimenti li jiġuhom meta jaħsbu dwar l-UE, il-maġġoranza tal-Ewropej jesprimu sentimenti ta’ tama u fiduċja (total ta’ 55%) - filwaqt li l-inċertezza dwar il-futur tal-Ewropa tiġġenera d-dubju bħala s-sentiment dominanti fost terz taċ-ċittadini mistħarrġa (Tabella 2).

Tabella 1 
Tabella 2 

Id-dibattitu dwar il-Brexit ukoll wera kemm il-pajjiżi tal-UE huma konnessi flimkien bis-saħħa tal-ħidma li wettqu flimkien tul is-snin, kif ukoll kemm iġib miegħu benefiċċji l-fatt li pajjiż ikun parti minn klabb kbir. Ġieli dawn il-benefiċċji jidhru biss meta jkunu ser jintilfu. L-aħħar ċifri tal-Ewrobarometru (minn Frar 2019) juru li aktar minn żewġ terzi (68%) tal-Ewropej jemmnu li l-UE ġabet benefiċċji lil pajjiżhom (Tabella 3) u 61% jgħidu li l-UE hija ħaġa tajba (Tabella 4).

 

Tabella 3 
Tabella 4 

Fl-istess waqt, il-pressjonijiet esterni mill-pajjiżi terzi jfissru li l-pajjiżi tal-UE iridu jaħdmu iżjed flimkien biex jibqgħu influenti fl-ordni dinji ġdid. Ir-rapport tal-Ewrobarometru juri li ċ-ċittadini huma interessati l-iżjed fl-istat tal-ekonomija, l-impjiegi, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kollha jindikaw il-ħtieġa li l-pajjiżi jaħdmu iżjed flimkien u jieħdu azzjonijiet komuni (Tabella 5).

Tabella 5 

Issa l-futur tal-Ewropa huwa f’idejn dawk li ser jivvutaw fl-elezzjonijiet tat-23-26 ta’ Mejju. Għalkemm l-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera li fl-aħħar ta’ Frar iżjed minn terz taċ-ċittadini tal-UE (35%) kienu ċerti li kienu ser jivvutaw, terz ieħor (32%) kienu għadhom mhumiex konvinti (Tabella 6). Fil-każ taż-żgħażagħ fl-età li jivvutaw, minkejja li għandhom attitudni pożittiva għall-UE (74%), 21% minnhom biss qalu li huma ċerti li ser jivvutaw, filwaqt li 34% kienu għadhom ma ddeċidewx (Tabella 7).

Tabella 6 
Tabella 7 

Il-film ser joħroġ fl-Istati Membri kollha fil-25 ta’ April 2019. Verżjonijiet differenti għat-TV, iċ-ċinema u r-radju ser jiġu distribwiti aktar tard.