Elezzjonijiet Ewropej: Ċifri ta’ viżjoni impressjonanti għall-film tal-Parlament Ewropew 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

B’iżjed minn 75 miljun viżjoni f’ġimgħa, il-film “Għażel il-Futur Tiegħek”, parti mill-kampanja elettorali tal-PE ibbażata fuq is-sentiment tal-għaqda, kellu impatt eċċezzjonali.

Mit-tnedija tiegħu fil-25 ta’ April, il-film ta’ 3 minuti ġie viżjonat iżjed minn 75 miljun darba; ċifra mingħajr preċedent għal kampanja istituzzjonali (ċifra aġġornata sal-Ħamis 2 ta’ Mejju fid-9.00).

Il-film huwa sottotitulat fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE kif ukoll f’lingwi tal-UE oħra, verżjonijiet differenti nazzjonali tal-istess lingwa (total ta’ 33), kif ukoll ħames lingwi maġġuri dinjin (l-Għarbi, iċ-Ċiniż, ir-Russu, il-Ħindi u t-Turk). Il-film ġie prodott ukoll f’31 lingwa bis-sinjali u bil-lingwa internazzjonali bis-sinjali, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea tat-Torox.


Dirett mill-ippremjat Frédéric Planchon, u żviluppat u prodott mill-kuntrattur tal-Parlament, European Broadcast Partners u s-sottokuntrattur tagħhom & Co./NoA, il-film jiddokumenta l-mumenti intensivi, sbieħ u fraġli meta t-trabi jitwieldu madwar l-Ewropa u jimmira biex iħeġġeġ in-nies jirriflettu dwar ir-raġuni li nivvutaw. It-twelid li jintwera fil-film huwa kollu reali, f’format ta’ dokumentarju. Bħala wieħed mill-elementi ċentrali tal-kampanja elettorali tal-Parlament għall-elezzjonijiet Ewropej 2019, il-film għandu l-għan li jqajjem il-kuxjenza fl-Ewropej tal-valuri, l-emozjonijiet u r-responsabbiltajiet li jikkondividu. Fil-kliem tat-tifla li tinstema’ tul il-film, “Kull wieħed minna jista’ jħalli marka, iżda flimkien nistgħu nagħmlu differenza reali.


Il-kampanja tal-Parlament Ewropew tinkludi wkoll il-pjattaforma diddarbasenivvota.eu bil-għan li tħeġġeġ in-nies biex jinvolvu ruħhom fl-elezzjonijiet Ewropej. S’issa iżjed minn 270.000 persuna ingħaqdu mal-pjattaforma biex ikunu involuti.


L-elezzjonijiet madwar l-UE ser iseħħu fl-istati membri tal-UE bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju.